Thursday, December 26, 2024

MUŻEW F’QIEGĦ IL-BAĦAR

Aqra wkoll

L-idea ta’ mużew arkeoloġiku f’qiegħ il-baħar hi eċċellenti. Personalment, qatt ma jien se ninżel hemm taħt biex inżuru u se jkun hemm ħafna oħrajn bħali. Imma li għaddasa interessati jistgħu jinżlu f’sit fejn waqgħu u tħallew matul is-sekli fdalijiet ta’ iġfna li qeridhom il-baħar hi proposta tassew attraenti.

Jekk fhimt tajjeb, bla ma toħloq l-ebda problema (fil-fatt bil-maqlub) għall-manteniment tas-sit biex fih isiru aktar riċerki minn studjużi tal-arkeoloġija, iż-żona nfetħet għal żjarat “turistiċi” minn għaddasa oħra.

U aħna li ma għandiex il-ħila tagħhom biex ninżlu fil-qigħan tal-baħar, se jkollna ċ-ċans li mill-filmati li jtellgħu, naraw mill-qrib x’jinsab hemm taħt.

Kullimkien madwar il-kosta Maltija min jaf kemm jinsabu vapuri mgħarrqa minn sekli twal ilu. Il-problema hi li – dejjem jekk fhimt tajjeb – ħafna minnhom huma midfuna f’ilmijiet wisq profondi.

TIFKIRIET TAS-SNIN 60

Fil-kamp Laburista, is-snin sittin tas-seklu l-ieħor baqgħu mmarkati bħala żmien erojku, u bir-raġun. Mill-Oppożizzjoni l-mexxejja tal-partit imma fuq kollox iċ-ċittadini li appoġġjawh kellhom jaffrontaw poter statali li ddiskrimina kontrihom, id f’id ma’ poter klerikali li poġġa fuqhom, kważi kollha Kattoliċi prattikanti, pieni reliġjużi u soċjali severi.

Il-biċċa l-kbira mill-irġiel u nisa li kienu attivi dak iż-żmien issa mietu; anke uliedhom qed jisparixxu.

Il-ġrajjiet ta’ dak iż-żmien intqalu kemm-il darba, mil-lat politiku, kostituzzjonali, reliġjuż u ekonomiku. Dwar il-ħajja ta’ nies Laburisti li għexu dik il-ġrajja nkiteb ukoll, imma b’mod pjuttost episodiku jew dwar persuna u oħra, jew inkella b’sens retoriku li jista’ jsir monotonu.

Hemm bżonn ta’ studju tal-esperjenzi tal-poplu “komuni” f’dawk is-snin politikament iebsa li jkun sintetiku u oġġettiv. Waqt li jitlaħħam mill-esperjenzi personali ta’ dan jew dik, ma jridx jispiċċa ddominat minnhom għax jagħti dehra soċjali kemm jista’ jkun wiesgħa tal-fatti kollha.

IKEL MALTI

L-ikel Malti qed jiġi apprezzat ħafna aktar minn qabel, mhux l-anqas permezz ta’ websites “uffiċjali” li jagħtuh pubbliċità. Programmi televiżivi li anke jmexxu kompetizzjonijiet dwar kif issajjar fi kċina Maltija jkomplu jsaħħu din it-tip ta’ inizjattiva li jixirqilha kull appoġġ.

Li Malta m’għandhiex il-“kċina” tagħha għax l-ikel li nieklu hu sempliċement taħlita bbastardjata ta’ x’jittiekel f’inħawi oħra tal-Mediterran hu wieħed mill-miti li bihom nagħtu xhieda tan-nuqqas ta’ stima li nsostnu lejna nfusna. L-ikel Malti żviluppa f’addattament kontinwu tal-popolazzjoni tal-gżejjer maċ-ċirkostanzi fiżiċi u (ekonomikament) materjali; kif ukoll skont l-influwenzi ta’ ġnus oħra li l-popolazzjoni ġiet f’kuntatt magħhom, għaliex le?

L-elementi kollha tal-ħajja nazzjonali li jagħtuna identità għandhom jitqiesu bħala importanti.

Ekonomija

Sport