Thursday, December 19, 2024

Myriam Spiteri Debono – il-11-il President ta’ Malta (1)

Aqra wkoll

Myriam Spiteri Debono twieldet fil-25 ta’ Ottubru 1952 ir-Rabat Għawdex. Hija l-ewwel President ta’ Malta magħżula wara r-riforma kostituzzjonali tal-2020 li biha President irid jinħatar b’maġġoranża ta’ żewġ terzi tal-Parlament. Hekk ġara nhar l-Erbgħa li għadda, 27 ta’ Marzu 2024, meta l-Parlament ivvota favur il-ħatra tagħha. Hija mistennija tieħu l-ġurament bħala President nhar il-Ħamis li ġej, 4 ta’ April meta tiġi fi tmiemha l-Presidenza ta’ Dr George Vella.

Spiteri Debono hija l-ħdax-il President ta’ Malta u t-tielet Għawdxija li qed isservi f’din il-kariga, wara Anton Buttigieg (1976-1981) li kien mill-Qala u Ċensu Tabone (1989-1994) mir-Rabat bħalha. Hija t-tielet mara fil-kariga wara Agatha Barbara (1982-1987) u Marie-Louise Coleiro Preca (2014-2019). Hija wkoll it-tieni Nutar wara Coleiro Preca.

Spiteri Debono kienet iggradwat fil-Baċellerat tal-Arti bl-Unuri fl-1973 u bħala Nutar fl-1980. Għamlet żmien għalliema fl-iskejjel sekondarji tal-Istat u serviet bħala uffiċjal amministrattiv fid-Dipartiment tat-Taxxa. Hija miżżewġa lil Anthony Spiteri u hija omm ta’ tliet ulied: Elena, George u Marie Kristine.

L-Irwol tal-President ta’ Malta

L-irwol tal-President, bħala l-Kap tal-Istat, huwa fil-biċċa l-kbira tiegħu ċerimonjali, iżda skont il-Kostituzzjoni ta’ Malta jenħtieġ li l-President jiffirma l-atti tal-Parlament qabel ma dawn ikunu jistgħu jsiru liġi. Bl-emendi kostituzzjonali li ddaħħlu dan l-aħħar, huwa wkoll il-President li jagħżel u jaħtar il-membri tal-ġudikatura wara li tingħatalu shortlist minn kumitat tal-għażla.
Huwa wkoll il-President li jaħtar lill-Prim Ministru, billi jagħżel persuna li fil-ġudizzju tiegħu l-aktar li tista’ tgawdi l-appoġġ tal-maġġoranza tal-Membri Parlamentari. Il-President jista’ wkoll ineħħi lill-Prim Ministru jekk dan ma jibqax igawdi dak l-appoġġ tal-maġġoranza fil-Kamra, għalkemm f’ċirkostanzi bħal dawn il-Kap tal-Istat normalment jistenna vot ta’ fiduċja. Il-President iservi għal ħames snin u t-terminu ma jistax jiġġedded.

L-Ewwel Speaker Mara

Minkejja li Spiteri Debono kienet ilha attiva fil-politika sa mis-snin sebgħin, kien fl-aħħar tad-disgħinijiet li isimha sar magħruf sew fost il-Maltin. Fis-26 ta’ Ottubru 1996, il-Partit Laburista mmexxi minn Alfred Sant rebaħ l-elezzjonijiet ġenerali wara li l-Partit kien ilu disa’ snin fl-Oppożizzjoni u Sant kien ilu Mexxej erba’ snin. Fil-ftuħ tas-Seba’ Parlament, fil-5 ta’ Diċembru 1996, Myriam Spiteri Debono nħatret bħala President tal-Kamra tad-Deputati, magħrufa bħala Speaker.
Kien il-Prim Ministru Sant li pproponieha u l-Kap tal-Oppożizzjoni Eddie Fenech Adami li ssekondaha għal din il-ħatra. Spiteri Debono kienet u għadha rispettata minn kulħadd għall-integrità tagħhom. Hija kienet l-ewwel mara u s’issa l-unika mara fil-kariga ta’ Speaker.

Irridu ngħidu li storikament il-Partit Laburista għandu r-rekords kollha fejn jidħlu n-nisa fil-Parlament Malti, mhux biss għall-ewwel Speaker mara. Agatha Barbara kienet l-ewwel membru parlamentari mara fl-1947, l-ewwel ministru mara fl-1955 u l-ewwel President mara fl-1982. It-tliet nisa Presidenti li kellna s’issa kienu ġejjin mill-kamp Laburista.

Sinċerità u ġenwinità

Dakinhar tal-ħatra tagħha bħala Speaker, Spiteri Debono indirizzat hekk lill-Membri tal-Parlament: “L-għażla tiegħi, maqbula bejnietkom, hija xhieda tal-impenn kemm tal-Gvern u kemm tal-Oppożizzjoni biex f’pajjiżna l-preżenza attiva tan-nisa fl-ogħla istituzzjonijiet tal-pajjiż tkompli tinħass u tikber. Ta’ dan nirringrazzjahom b’mod speċjali.”

“Nirringrazzja wkoll lill-Kamra kollha talli għoġobha tafdani b’din il-kariga ta’ responsabbiltà kbira li bl-għajnuna t’Alla u tal-Membri kollha tal-Kamra se nfittex li naqdi b’fedeltà u lealtà sħiħa lejn pajjiżi u lejn il-poplu tagħna. Inħoss li lkoll kemm aħna f’dan il-Parlament l-ewwel u qabel kollox għandu jkollna l-ħakma fuqna nfusna biex neżerċitaw awtodixxiplina u nkunu rappreżentanti denji tal-poplu.”

“Hawn fostna min hu żgħir fl-età, hawn min hu aktar matur u ta’ esperjenza, iżda nħoss li l-operat tagħna lkoll għandu jkun imnebbaħ mis-sinċerità u mill-ġenwinità li sfortunatament ħafna minna nitilfu meta ma nibqgħux tfal. Għalhekk filwaqt li nitlob lil Alla biex iżomm idejh fuqna u lill-Ispirtu s-Santu biex jiggwidana, nistieden lill-Kamra biex tkompli bix-xogħol tagħha skont kif indikat fl-aġenda.”

Dan l-artiklu jissokta għada

Ekonomija

Sport