Friday, December 13, 2024

NAĦDMU BIEX INWETTQU L-PJAN TA’ RKUPRU U REŻILJENZA

Stefan Zrinzo Azzopardi
Stefan Zrinzo Azzopardi
Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali

Aqra wkoll

L-aħbar li l-Kummissjoni Ewropea approvat il-pjan tagħna għall-Irkupru u r-Reżiljenza fil-jiem li għaddew ipoġġi quddiemna responsabbiltà kbira biex dak li fassalna f’dan il-pjan issa nibdew inwettquh. 

Matul iż-żjara qasira li għamlet fostna l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von Der Leyen ftit tal-jiem ilu hija kellha biss kliem ta’ tifħir għall-pjan li ressaqna biex nagħmlu użu mit-€316m li l-Unjoni Ewropea qegħda tagħtina bħala għotja biex inwettqu dan il-pjan.

Hija saħansitra stqarret li meta qegħdin niddedikaw 54% ta’ din in-nefqa għal inizjattivi favur l-ambjent f’pajjiżna, qegħdin inpoġġu l-pjan tagħna fil-kategorija tal-aktar pjani favur l-ambjent fost dawk kollha mressqa mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

L-ambjent huwa prijorità ewlenija fil-ħidma tagħna. Aħna konxji mill-effetti li t-tibdil fil-klima qed ikollu fuq id-dinja kollha. Nafu li jekk ma jsir xejn, il-perikli li jista’ jġib miegħu t-tisħin tad-dinja għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin jistgħu ikunu kbar u devastanti. Nafu li pajjiżna x’jitlef biss għandu minn dan kollu, u aħna żgħar kemm aħna żgħar, irridu nagħtu wkoll is-sehem tagħna biex realtà li nħolqot min-nies tad-dinja tiġi indirizzata u nibdew narawha titreġġa’ lura.

Huwa għalhekk li qegħdin nagħtu importanza partikolari lill-ambjent. Se jkunu qed jintefqu mhux inqas minn €189m minn dan il-fond għal inizjattivi ambjentali. Se nkunu qed nirrinovaw binjiet pubbliċi u privati, skejjel u sptarijiet biex isiru effiċjenti fl-użu tal-enerġija u nnaqsu l-emmissjonijiet. Se nibnu skola ġdida li tkun kważi ħielsa mill-emmissjonijiet tal-karbonu biex isservi ta’ mudell għal skejjel oħra.

Se nibnu faċilità ġdida ta’ irmiġġ fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar jew Buġibba. Se ninċentivaw lis-settur privat biex jixtri aktar karozzi, muturi u roti li jaħdmu bl-elettriku filwaqt li ser nibdlu l-karozzi tas-servizz pubbliku għal dawk elettriċi. Se ngħinu wkoll biex jibdew jinbidlu l-vetturi tat-trasport pubbliku ħalli jkunu jaħdmu wkoll bl-elettriku. 

Dawn huma kollha inizjattivi immirati biex jonqsu l-emmissjonijiet tal-karbonju fl-arja li huma l-parti l-kbira tal-kagun li l-klima tad-dinja qegħda tisħon. Meta nkunu qed nagħmlu dan inkunu qegħdin nibżgħu għas-saħħa tal-poplu tagħna għax mingħajr l-ebda dubju t-tniġġiż fl-arja huwa kaġun ta’ ħafna mard.

Ħdimna fl-imgħoddi biex naqqasna kemm flaħna l-emmissjonijiet li jniġġżu u tejjibna l-ħajja tan-nies meta waqqafna l-użu tal-Heavy Fuel Oil mill-power stations tagħna. Issa wasal iż-żmien li nagħmlu l-pass li jmiss li huwa li nikkumbattu l-emmissjonijiet minn kull sors li jistgħu jiġu, l-agħar wieħed fosthom ikun it-tniġġiż ġej mill-karozzi.

Fil-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza hemm ukoll l-emfasi li qed tagħti l-Unjoni Ewropea u daqstant ieħor pajjiżna, biex isseħħ it-tranżizzjoni diġitali, jiġifieri li nkomplu nagħmlu l-ekonomija tagħna aktar moderna, aktar diġitali u intelliġenti. Se ninvestu biex insaħħu s-servizzi diġitali kollha offruti mill-Gvern u nsaħħu s-sistema tal-informatika tal-Gvern. Se nbiddlu sistemi sħaħ fl-isptar tagħna biex jiġu diġitaliżżati. 

Fis-saħħa wkoll se nibnu ċentru ġdid tad-demm li jkun magħruf bħala Blood, Tissue and Cell Centre bl-aħħar teknoloġija f’dan il-qasam. Proġett ewlieni ieħor li se nwettqu b’dawn il-fondi huwa l-bini tal-kampus il-ġdid għall-Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS) biex inkomplu nsaħħu l-industrija turistika tagħna, li hija pilastru ewlieni tal-ekonomija tal-pajjiz.

Iż-żjara tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Von Der Leyen fostna u l-approvazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea għall-pjan tagħna wittiet it-triq biex issa nieħdu l-passi kollha meħtieġa biex nibdew inwettqu l-pjan li ħejjejna.

Flimkien mal-bosta miżuri li ħa l-Gvern fl-aħħar sena u nofs se nkomplu noħorġu lil pajjiżna mill-effetti tal-pandemija u b’hekk nerġgħu naqbdu r-ritrmu tat-tkabbir li konna mdorrijin bih inqas minn sentejn ilu. B’hekk inkunu qed niżguraw li lill-poplu tagħna, lill-familji Maltin u Għawdxin inkomplu ntejbulhom il-livell tal-għajxien u nkomplu nġeddu lil pajjiżna flimkien.

Ekonomija

Sport