Sunday, December 22, 2024

“Naħdmu flimkien biex negħlbu l-isfidi u noħolqu l-opportunitajiet”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-GWU trid li l-proposti tagħha inklużi fil-manifest elettorali jsiru realtà

Il-General Workers’ Union (GWU) tifraħ lill-Partit Laburista u l-Prim Ministru Robert Abela għar-rebħa elettorali tiegħu wara l-elezzjoni ġenerali tas-Sibt li għadda. Filwaqt li l-GWU tawgura lil Abela għall-ħatra mill-ġdid tiegħu bħala Prim Ministru fi żmien tant kruċjali għal pajjiżna, is-Segretarju Generali tal-GWU, Josef Bugeja, saħaq li wara kampanja elettorali u wara li l-poplu ta l-verdett tiegħu, issa jeħtieġ li kulħadd jiffoka fuq l-isfidi li għandna quddiemna. 

F’kumment li ta lil Talk.mt Bugeja spejga kif, “fix-xhur li ġejjin Malta trid tiffaċċja diversi sfidi. Il-GWU temmen li jekk naħdmu flimkien kapaċi negħlbu dawn l-isfidi kif għamilna fil-bidu tal-pandemija, fosthom il-ħruġ mill-pandemija, il-gwerra tal-Ukranja, il-konnettività, il-grey listing u l-irkupru tal-ekonomija Maltija. Biex negħlbu dawn l-isfid huwa meħtieġ li naħdmu flimkien.” 

Issa kif jiġu maħtura l-ministri l-ġodda, il-GWU tibda tiltaqa’ magħhom biex jingħata rendikont tal-ħidma li kienet qiegħda ssir fl-leġislatura li għaddiet u jaraw kif se jkomplu l-ħidma flimkien. Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU qal li fost ix-xogħol li jeħtieg jitkompla b’mod immedjat huma diversi ftehim kollettivi li qegħdin jiġu diskussi mal-Gvern Ċentrali jew mal-entitajiet tal-Gvern, kif ukoll diversi proċessi li jridu jitkomplew bħat-trasferiment tal-ħaddiema tal-AirMalta għall-RSSL. 

Il-GWU b’mod kontinwu u b’mod konkret għamlet diversi proposti li ġew inkluzi fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista. Bugeja qal li, “issa li l-proposti tagħna ġew inklużi f’elf proposta rridu naraw li dawn il-proposti jsiru realtà. Fost dawn insibu s-sħubija mandatorja tal-ħaddiema fi trejd unjon tal-għażla tagħhom u ħlas ugwali għal xogħol tal-istess valur”. 

“Bħala sħab soċjali u l-akbar rappreżentant tal-ħaddiema, se naraw li l-programm elettorali tal-Partit Laburista jibda jiġi implimentat”

JOSEF BUGEJA, SEGRETARJU ĠENERALI TAL-GWU

Huwa żied jgħid li l-proposti tal-GWU kienu dejjem intizi biex jinħoloq ambjent fejn kulħadd jimxi ‘l quddiem f’kuntest ta’ tkabbir ekonomiku u kwalità ta’ ħajja aħjar. Tkabbir ekonomiku bbażat fuq investiment sostenibbli u tqassim ġust tal-ġid maħluq. 

Bugeja qal li, “issa li l-kampanja elettorali ġiet f’tmiemha, huwa l-waqt li kulħadd jaħdem flimkien inkluż l-Oppozzjoni biex intejjbu l-kwalità tal-ħajja ta’ soċjetà Maltija. Bħala sħab soċjali u l-akbar rappreżentant tal-ħaddiema, se naraw li l-programm elettorali tal-Partit Laburista jibda jiġi implimentat”.

Huwa qal li bħala GWU huma kommessi u disponibbli li jaħdmu mill-qrib mal-Gvern biex jgħinu fl-implementazzjoni tal-manifiest elettorali u biex kulħadd jimxi ‘l quddiem. “Nemmnu f’solidarjetà soċjali, nemmnu fil-mobilità soċjali, kif ukoll nemmnu li nistgħu nagħmlu differenza fil-ħajja ta’ nies speċjalment dawk l-aktar vunerabbli,” temm Josef Bugeja. 

Ekonomija

Sport