Alfred Bugeja, magħruf bħala l-Porporina, ċaħad li huwa kien tpoġġa fuq “is-siġġu tal-kastig” fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Meta kien qed jixhed fil-kawża ta’ libell li fetaħ l-eks Direttur tal-ħabs Alex Dalli kontra l-MaltaToday fuq rapport ippubblikat f’Diċembru tal-2020, Bugeja kellu kliem ta’ tifħir fuq is-Sur Dalli.
Bugeja qal li kien priġunier ieħor li infurmah bl-artiklu u kien qralu dak li kien hemm miktub u wrieh ir-ritratt tiegħu fil-gazzetta. Qal ukoll li dan l-artiklu kien ġablu l-inkwiet ma’ martu, iżda kien assiguraha li ma kienx minnu.
Huwa kompla jgħid li qatt ma kien ra dan is-siġġu. “Marti mietet ftit tal-jiem ilu. Naħlef fuq il-qabar tagħha li dan l-inċident qatt ma seħħ,” kompla jgħid Bugeja.