Minn Cris Muscat
Kif bdiet l-imhabba tiegħek lejn il-waterpolo?
L-imħabba tiegħi lejn il-waterpolo bdiet meta ppruvajt dan l-isport għall-ewwel darba wara li l-ħbieb tal-ġenituri tiegħi ssuġġerew li nipprovah.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ San Ġiljan ASC.
Bħalissa jien qed nilgħab mat-tim tal-kbar ta’ San Ġiljan, kif ukoll mal-Under 20, 18 u 16 tal-istess klabb. Bħala taħriġ, jiena jkolli mat-tim tal-kbar darba jew darbtejn kuljum, b’eċċezzjoni meta jkolli xi logħba jew taħriġ mat-tim nazzjonali Malti tal-waterpolo.
X’tikkummenta fuq ir-riżorsi (pixxina) li fihom tittrenjaw u tilagħbu f’Malta?
Fl-opinjoni tieġhi, ir-riżorsi tal-pixxina huma ta’ kwalitá tajba. L-ilma tal-pixxina jiġi msaħħan biex speċjalment fix-xitwa nevitaw li ngħumu ġewwa pool kiesaħ, hija pixxina ta’ livell ġholi u tajba għal-logħob lokali kif ukoll internazzjonali.
X’sagrifiċċji jinvolvi li tkun plejer tal-waterpolo?
Li tkun plejer tal-waterpolo trid tkun lest biex tagħmel ħafna sagrifiċċji fil-ħajja tieġhek. Trid tkun preparat li jkollok ħafna sessjonijiet ta’ taħriġ matul il-ġimgħa kolla li fosthom ikun hemm naqra ħinijet forsi naqra diffiċli. Ukoll ikollok bżonn tkun lest li ma tkunx tista’ tibqa’ toħroġ daqshekk ta’ spiss minħabba xi logħba kif ukoll taħriġ.
Kif jirnexxielek tlaħħaq mat-taħriġ, l-istudji personali tiegħek u mal-waterpolo?
Wieħed għandu jkun lest biex jipprepara sistema sabiex ilaħħaq kemm mat-taħriġ kif ukoll mal-istudju. Jiena dejjem nipprova li wara l-iskola nlesti x-xoghol li jkolli bżonn nagħmel għall-ġranet li jkunu ġejjin ħalli wara nkun nista’ nitfa’ moħħi hemm fuq it-taħriġ. Meta nkun nista’ wkoll inlesti xi xogħol matul il-ħin tal-iskola ħalli kemm jista’ jkun nistrieħ sew qabel it-taħriġ.
Taqbel mas-sistema tal-play-offs fil-Kampjonat Premier tal-waterpolo f’pajjiżna?
Jien personalment ma naqbilx mas-sistema tal- play-offs għaliex sakemm jista’ jiġi favurik, jista’ wkoll tagħmel il-kampjonat isbaħ għat-timijiet l-oħra fil-kampjonat. Ma tantx togħġobni għaliex il-kampjonat għandu jintrebaħ mit-tim li jkollu l- aħjar staġun overall u mhux l-aħħar ftit logħbiet biss.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-waterpolo ma’ San Ġiljan ASC?
Jien naħseb li għandi futur sabiħ ma’ San Ġiljan ASC u dejjem nittama li ‘l-quddiem inkun parti kbira minn tim li jġib ħafna suċċessi lejn dan il-klabb.
Għaddi messaġġ finali lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera fil-waterpolo.
Il-waterpolo huwa sport interessanti ħafna u bis-sagrifiċċju kif ukoll dedikazzjoni, jista’ jkollok karriera sabiħa ħafna f’dan l-isport. Jgħamillek ħafna ġid fiżikament kif ukoll mentalment. Dan l-isport dejjem qed isir aktar popolari maż-żmien u jekk tkun moħħok hemm, tista’ wkoll tiġik opportunitá li tmur tilgħab u tgħix barra minn xtutna.