“Nappella lilek li forsi ma rċivejt l-ebda telefonata u jekk int qiegħed waħdek ingħaqad magħna biex ma tqattax l-Milied waħdek. Il-Caritas ma tiqafx biss sal-Milied imma żżomm kuntatt ma’ dawk il-persuni li tagħmel kuntatt magħhom permezz tal-ikla. Għal Caritas dik hija qisha outreach u permezz ta’ din l-ikla, insiru nafu lil dawn il-persuni u nkompli nsegwuhom anke permezz ta’ gruppi ta’ sapport, permezz ta’ terapija jekk ikun hemm bżonn, sabiex dik il-persuna tinqala’ mis-solitudni”.
Dan qalitu Marica Cassar, l-Uffiċjal tal-Komunikazzjoni tal-Caritas f’kumment li tat lil dan is-sit l hekk kif bħalissa l-Caritas għaddejja bi preparamenti sabiex tilqa’ lil iktar minn 300 persuna għall-ikla tal-Milied fil-Kurja tal-Arċisqof.
Cassar irrimarkat li l-Caritas tħeġġeġ mhux biss lil dawk li jinsabu waħedhom sabiex jattendu għall-ikla tal-Caritas, imma tappella wkoll sabiex kull familja li se tkun qiegħda tagħmel ikla, iżżid siġġu ieħor madwar il-mejda u tagħmel kuntatt ma’ dik il-persuna li taf li forsi qiegħda tgħix waħedha, anke forsi xi qarib.
Spjegat ukoll li barra minn hekk kważi kull knisja madwar Malta u Għawdex torganizza bosta inizjattivi anke fi ħdan il-parroċċi, li jinkludu ikla fir-raħal jew fil-belt tagħhom.
Tenniet li l-Caritas tħeġġeġ lil dak li jkun sabiex ma’ jibqax waħdu. Qalet; “Ħadd ma joqgħod lura imma permezz ta’ dawn is-servizzi fis-soċjetà wieħed jagħmel il-pass u l-kuraġġ u jċempel. In-numru huwa: 79555915”.
F’konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-bidu ta’ dan ix-xahar, ġie spjegat kif is-sena li għaddiet madwar 500 persuna nġabru fil-Kurja u qattgħu jum il-Milied flimkien hekk kif darba fis-sena, il-Kurja tinbidel “f’restorant” kbir u ssir post ta’ laqgħa fejn tilqa’ lill‑fqir u lil min għaddej mit-tbatija.
Madwar 100 voluntier, li jinkludu ħaddiema u residenti mid-djar terapewtiċi li tmexxi Caritas, se jkunu qed jgħinu fl-organizzazzjoni tal-ikla tal-Milied.
Fl-indirizz tiegħu, id-Direttur ta’ Caritas Malta, Anthony Gatt, irrakkonta stejjer ta’ nies li għexu fis-solitudni u permezz tal-ikla tal-Milied irnexxielhom iqattgħu dan il-jum b’dinjità u minn hemmhekk saru jafu bil-gruppi ta’ sapport li toffri Caritas matul is-sena.
L-ikel għal din l-okkażjoni se jkun ippreparat mill-Fondazzjoni Alfred Mizzi, waqt li din is-sena wkoll il-koki tal-kċina tal-President ta’ Malta se jieħdu ħsieb jippreparaw ħelu tradizzjonali tal-Milied biex jitqassam waqt l-ikla.