Saturday, December 28, 2024

“Napprezza ħafna li l-Maltin telgħu jgħinu lil pajjiżi u lil ħuti”

Libjan li jgħix f’Malta ma raqadx għal tlett ijiem sħaħ wara li sema’ bid-devastazzjoni taċ-ċiklun Daniel f’pajjiżu…

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Id-devastazzjoni li ħalla ċ-ċiklun Daniel u l-għargħar li segwih fil-pajiż ġar tagħna tal-Libja ħasdet mhux biss liċ-ċittadini ta’ dan il-pajjiż iżda wkoll lill-bqija tad-dinja. Malta dejjem kellha relazzjonijiet tajba mal-Libja u fostna għandna wkoll Libjani li jgħixu integrati sew mal-komunità tagħna.

Fost dawn hemm Ahmed Mansur, Libjan ta’ 41 sena, li ilu jgħix f’Malta għal dawn l-aħħar 26 sena. Filwaqt li f’intervista magħna kkonferma preokkupazzjoni kbira għal dak li seħħ lil eluf min “ħutu l-Libjani”, Ahmed esprima apprezzament kbir għall-ħidma tal-uffiċjali Maltin li b’riskju għas-sigurtà tagħhom stess, xammru l-kmiem u marru jgħinu fil-Libja. 

“Napprezza ħafna li l-Maltin telgħu jgħinu lil pajjiżi u lin-nies tiegħi. Malta u l-Libja minn dejjem kellhom relazzjonijiet tajba u allaħares le għax aħna ġara ta’ xulxin. Bagħtu anke lanċa biex jgħinu. Kieku stajt mort jien stess biex ngħin imma minħabba x-xogħol ma nistax. Sinċerament, li għamilt kien li kelli somma flus u bagħthom,” beda jispjega Mansur.

Dan il-Libjan stqarr li meta sema’ bl-aħbar, huwa segwa mill-viċin kemm seta’ l-andament. Żied li, “bil-qatgħa li ħadt għamilt tlett ijiem fejn ma stajtx norqod u ma ħassejtnix sewwa”.

Min-naħa tiegħu huwa qal li f’dan il-maltemp qawwi, f’ġurnata niżlet ammont kbir ta’ xita li normalment f’pajjiżu tagħmel f’sentejn. “Mietu wisq nies u lanqas jafu bl-eżatt kemm fil-verità hemm vittmi li tilfu ħajjithom. Lanqas wara xahar ieħor ta’ tfittxija m’huma se jkunu jafu bl-eżatt,” kompla Mansur. 

Huwa li trabba’ fil-Libja u jaf l-inħawi spjega li bix-xita li niżlet, ix-xmara mtliet u nfaqgħet. Qal li din l-iskala ta’ devastazzjoni seħħet darbtejn biss fl-imgħoddi f’pajjiżu imma din hija dik li jiftakar sew. Biex jagħtina idea ta’ dak li seħħ f’pajjiżu, dan l-immigrant qalilna li huwa simili għal bħallikieku għamel tzunami kbir fil-kosta tagħna u kaxkar lil Malta. Hawn naraw kemm is-sitwazzjoni fil-Libja, hija waħda serja ħafna. 

Kosta li spiċċat “ċimiterju” 

It-73 uffiċjali Maltin li marru fil-Libja marru fuq ħidma ta’ salvataġġ internazzjonali fejn raw b’għajnejhom il-ħerba li ħalla ċ-ċiklun Daniel u l-għargħar nhar il-Ħadd, 10 ta’ Settembru. F’ġurnata dawn sabu aktar minn 80 katavri fosthom tfal li tilfu ħajjithom kawża tal-ilmijiet qawwija li għarqu, farku u ġarrew binjiet sħaħ bil-kosta Libjana li spiċċat “ċimiterju” għal ammont kbir ta’ persuni.

L-ammont ta’ vittmi li kkawża ċ-ċikun Daniel fil-Mediterran b’riħ qawwi u xita f’daqqa, għadu mhuwiex magħruf bl-eżatt. 

Dan it-temp estrem fil-Libja kkawża għargħar f’għadd ta’ postijiet fil-Grigal fosthom Al-Jabal Alakhdar, Derna, Al-Bayada, Almarj, Shahat, Soussa u b’inqas saħħa lil Benghazi. Iċ-ċiklun ikkollassa żewġ diegi b’konsegwenza ta’ mewġ qawwi li bela’ żoni popolati. Barra minnhekk, il-pontijiet fuq ix-xmara Derna li kienet tgħaqqad liż-żoni tal-Lvant u l-Punent, ukoll iġġarfu. Is-sitwazzjoni preżenti għadha diffiċli għall-ħidma ta’ salvataġġ tant bżonnjuża bħalissa.

Imwiet, ħsarat kbar, qtugħ fis-sistemi u qerda 

Iċ-ċiklun Daniel u l-għargħar ikkawżaw ħsarat estensivi fl-infrastruttura b’mod partikolari t-toroq u l-pontijiet. Ikkawżaw ukoll qtugħ fis-sistemi ta’ komunikazzjojni u fil-provvista tad-dawl. Minn informazzjoni pre eliminari, ingħad li 2,180 binja spiċċaw bi ħsara estensiva jew meqruda kompletament.

Derna hija l-aktar lokalità milquta. S’issa, skont kelliema uffiċjali tal-Gvern Libjjan u l-Libyan Red Crescent Society (LRCS) ġie kkonfermat li fuq l-art tilfu ħajjithom aktar minn 6,000 persuna u hemm kważi 10,000 oħra li għadhom irrapportati nieqsa. Sadanittant ħerġin rapporti li hemm numru dejjem jiżdied ta’ tfal li ġew isseparati minn mal-ġenituri tagħhom jew li spiċċaw waħidhom. Is-sitwazzjoni fil-belt ta’ Derna mal-mogħdija tal-ġranet kompliet tikkomplika ruħha hekk kif beda jinxtered mard infettiv ikkawżat mid-dekompożizzjojni tal-kadavri mgħarrqa fl-ilma.

Rapporti fil-midja ddeskrivew is-sitwazzjoni fil-Libja bħala waħda li għadha kritika u li għad irid isir assessjar tal-ħsara reali li saret fl-infrastruttura u kemm intilfu ħajjiet. Il-bżonnijijet umanitarji huma “katastrofiċi”. Kien għalhekk li l-Kamra tar-Rappreżentanti Libjana għamlet appell lill-organizzazzjonijiet internazzjonali, lill-pajjiżi ġara u lill-komunità internazzjonali ħalli jagħtu assistenza umanitarja urġenti liż-żoni milquta mill-maltemp. 

Pajjiżna laqa’ s-sejħa għall-għajnuna 

Kienet proprju din is-sejħa għall-għajnuna li pajjiżna laqa’ u bagħat il-kontiġent tiegħu. Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin esprima l-kondoljanzi tiegħu lill-poplu Libjan għal din id-diżgrazzja kkawżat minn elementi ħorox tan-natura. 

Barra d-devastazzjoni li ħalla l-għargħar ikkawżat miċ-ċiklun Daniel, inkwiet ieħor tfaċċa l-għada hekk kif mijiet ħarġu jipprotestaw u saħansitra taw in-nar lir-residenza tas-Sindku ta’ Derna, Abdulmenam l-Ghaithi, li ġie sospiż riċentement mill-kariga tiegħu. 

Il-poplu Libjan barra x-xokk qawwi għal dak li sofrew bl-għargħar u kemm b’għadab indeskrivibbli għall-għeżież u għaċ-ċittadini kollha li tilfu ħajjithom, jinsabu għarkopptejhom u fl-istess ħin irrabjati. Huma qegħdin jitolbu li tintrefa’ responsabbiltà għat-telfa ta’ eluf minnhom. Mal-ġranet li ġejjin għad irid ikun ikkonfermat eżatt x’irriżulta mid-devastazzjoni taċ-ċiklun “Daniel”. 

“Blokok sħaħ bin-nies fihom inġarru fil-baħar…”

Min-naħa tiegħu Mansur tana stampa aktar ċara fejn spjega li f’din it-traġedja niesu ġġarrew minn ilmijiet kbar u kull min kellu d-dar, b’ta ġewwa b’kollox, intilfu. 

“Blokok sħaħ ta’ bini għoli b’ħafna sulari tkaxkru fil-baħar bin-nies fihom b’kollox. Min jaf x’hemm fil-baħar… Għadhom lanqas bdew bl-ammont reali ta’ kemm mietu nies għax mhuwiex faċli li jsibu lil dawk li spiċċaw mgħarrqa taħt il-baħar. Qegħdin ngħidu li sabu nies mejta f’40 kilometru fil-baħar. Tista’ timmaġina. Dan anke jekk tisma’ bi traġedja bħal din u jmutu nies minn post ieħor tħossha, aħseb u ara minn pajjiżek,” temm imnikket Ahmed Mansur.

Min-naħa tagħna bħala ngħaddu l-kondoljanzi tagħna lill-poplu kollu Libjan inklużi dawk li jgħixu magħna f’Malta.

Ekonomija

Sport