Mijiet ta’ persuni fosthom delettanti tan-nar, dalgħodu nġabru fil-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Kirkop biex jagħtu l-aħħar tislima lil Leonard Camilleri magħruf aħjar bħala Nardu ż-Żurrieqi tilef ħajtu fi splużjonijiet li seħħew fil-kumpless tan-nar ta’ San Ġużepp is-sena li għaddiet.
Dun Martin Cardona, il-Kappillan tal-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Kirkop iddeskriva lil Nardu bħala bniedem bilghaqal, twajjeb u mimli mħabba lejn il-proxxmu.
Il-kappillan fakkar li Nardu kellu fidi kbir f’Alla u għalhekk bħala bniedem eżemplari qatt ma għamel ħsara lil ħadd.
Camilleri miet fl-età ta’ 64 sena hekk kif huwa ħasad lil bosta bl-aħbar tal-mewt tiegħu fis-26 ta’ Novembru li għadda. Nardu huwa magħruf sew mad-dilettanti tan-nar tant li l-istorja tiegħu f’dan il-qasam hija waħda mżewqa. Infatti dan ma kienx l-uniku inċident f’kumpless tan-nar li fih kien involut il-vittma tant li fl-2012 huwa kien sofra xi ġrieħi f’idejh waqt li kien qiegħed jaħdem in-nar.
Nardu kien ukoll detentur tal-istess kumpless lura fis-snin sakemm għal xi żmien kien irtira l-permess f’idejn ħaddieħor u waqaf milli jagħti l-kontribut tiegħu.
Fl-istess splużjonijiet kienu indarbu wkoll żewġt anzjani miż-Żurrieq ta’ 63 sena u 72 sena. Dawn iż-żewġ persuni sofrew xi ġrieħi waqt li kienu għaddejjin f’xi għelieqi fl-inħawi. Raġel ta’ 45 sena residenti Ħal Kirkop li kien fil-kumpless fil-ħin tal-inċident kellu jittieħed l-Isptar minħabba xokk qawwi li sofra.