Saturday, November 9, 2024

Naxxar Lions jirbħu d-derby tat-tramuntana

Aqra wkoll

Naxxar Lions ….2

Mosta …………..1

Minn Cristian Muscat

Naxxar Lions għelbu lill-ġirien, Mosta, bl-iskor ta’ 2-1 biex filwaqt li huma kisbu l-ewwel rebħa, ħallew lill-Mostin fil-qiegħ tal-klassifika mingħajr l-ebda punt.

Kienet rebħa meritata għal-Lions hekk kif iddettaw il-logħob bl-iskor seta’ kien akbar li kieku kienu aktar preċiżi fil-konklużjonijiet tagħhom fejn saħansitra ġew imċaħħda darbtejn mil-lasta. 

Kienu Naxxar li ħolqu l-ewwel periklu fis-seba’ mi­nuta permezz ta’ xutt mill-ewwel mid-distanza ta’ Takuma Yamaguchi li ħabat mal-wieqfa, b’Mosta jeħilsuha ħafif.

Huma reġgħu ħolqu l- periklu fit-22 minuta meta xutt minn tarf il-kaxxa ta’ Degran Jackson għadda ftit barra.

Huma komplew jiddettaw il-logħob u fit-33 minuta fetħu l-iskor meta Caxambu xeħet cross għan-nofs li sab lil TAKUMA YAMAGUCHI li ma kellux diffikultá ikompli għal ġewwa.

Fl-54 minuta, huma fallew ċans tad-deheb meta Yamaguchi għolla l-mira minn taħt il-lasta.

Minuta wara, xutt b’saħħtu ta’ Richard Luca Da Silva ġie mdawwar f’corner bi bravura mill-goalkeeper ta’ Naxxar, Matthias Debono.

Fl-74 minuta Mosta rebħu penalty meta cross ta’ Zachary Brincat ħabat ma’ id Caxambu u mill-11-il metru,  CLAYTON FAILLA ma ħafirx hekk kif tefa’ l-ballun naħa u lil Matthias Debono n-naħa opposta.

Naxxar wieġbu żewġ mi­nuti wara permezz ta’ free­kick insidjuż ta’ Caxambu li ħareġ l-aħjar ta’ Sean Mintoff li dawwar f’corner bi bravura.

Fil-81 minuta, il-Lions skor­jaw il-goal tar-rebħa meta NEIL PACE COCKS kien pront sammar il-ballun fix-xib­ka min-nofs il-kaxxa wara ħarġa ndeċiża mill-goalkeeper Mosti.

Erba’ minuti wara, is-sostitut Gustavo Barbosa Santos għadda tajjeb lejn Degran Jackson li dar tajjeb ma’ difensur ta’ Mosta qabel kellu x-xutt tiegħu jistampa mal-mimduda.

NAXXAR L.: 1-Matthias Debono, 4-Pedro Vitor De Assis, 7-Takuma Yamaguchi (3-Nikolai Micallef 90), 8-Neil Pace Cocks, 9-Federico Taumaturgo (44-Ito Yasukaze 86), 10-Edson Farias Cerqueira (19-Gustavo Barbosa 69), 15-Ryan Gilmour Cassar, 20-Sergio Nascimento Dias, 23-Caxambu, 25-Fernando Barbosa Pereira, 31-Degran Jackson   – Coach: George Vella

MOSTA: 1-Sean Mintoff, 3-Thomas Shedrack Tegwi (19-Julius Ayobami 65) (29-Stephen Chiemezie 83), 7-Richard Luca Da Silva, 10-Giancarlo Goncalves, 13-Clayton Failla (20-Russell Caruana 90), 26-Matheus Gomes Santos, 31-Joao Victor De Souza, 74-Jake Vassallo, 77-Zachary Brincat, 94-Cristian Fabricio Gomes Machedo, 96-Leonardo Da Silva (11-Jerry Ayi 46)   – Coach: Joseph Grech

REFEREE: Slobodan Petrovic

ASS. REFEREES: Jurgen Spiteri, Paul Apap

RABA’ UFF: Daniel Casha

SKORERS: T. Yamaguchi 33, N. Pace Cocks 81 (N), C. Failla pen. 75 (M)

AMMONITI: P. V. De Assis, R. G. Cassar, G. Barbosa (NL), T. S. Tegwi, C. Failla (M)

Sport