Sunday, April 27, 2025

NCPE: Fl-2023 id-differenza fil-pagi bejn is-sessi f’Malta niżlet għal 5.1% 

… Il-kumpanija Vivian tingħata mill-ġdid il-Marka tal-Ugwaljanza għal tliet snin oħra

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Malta għamlet progress sinifikanti biex tnaqqas id-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel. Skont ċifri mill-NCPE, id-differenza niżlet minn 13% fl-2018 għal 5.1% fl-2023 – ferm inqas mill-medja tal-UE ta’ 12%. Waħda mill-kumpaniji li jaħdmu qatigħ fir-rigward hija “Vivian” fejn din tal-aħħar reġgħet kisbet iċ-ċertifikazzjoni tal-Marka tal-Ugwaljanza mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) għal tliet snin oħra. Din il-kumpanija reġgħet affermat mill-ġdid l-impenn tagħha favur l-ugwaljanza bejn is-sessi u miżuri favur il-familja ġewwa l-kumpanija.

L-ewwel darba li l-kumpanija Vivian kisbet il-Marka tal-Ugwaljanza kien f’Diċembru tal-2021. Minn dakinhar din il-kumpanija kompliet issaħħaħ il-miżuri tagħha ħalli tiżgura l-inklużjoni u d-diversità f’kull livell tal-kumpanija fosthom paga ugwali, benefiċċji ta’ ġenituri msaħħa u taħriġ strutturat dwar l-għarfien.

Fir-rigward Joanna Gatt, Direttur ta’ Vivian qalet kif “aħna nqisu d-diversità bħala saħħa u nemmnu f’kultura inklussiva. Din iċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid turi l-isforz kontinwu tagħna biex noħolqu ambjent tax-xogħol fejn kulħadd iħossu apprezzat u sostnut”.

Għad hemm differenzi sinifikanti…

Fis-setturi tal-proprjetà u tal-edukazzjoni

Minkejja l-avvanzi rreġistrati biex tonqos id-differenza fil-pagi bejn is-sessi, l-NCPE qiegħd tqajjjem għarfien li għad hemm differenzi sinifikanti f’setturi bħalma huma s-settur tal-propjetà (18.5%) u l-edukazzjoni (17.1%). Għaldaqstant, “għad hemm sfidi marbuta ma’ diskriminazzjoni u fastidju fuq il-post tax-xogħol”. 

Minn informazzjoni jirriżulta li fl-2023 ġew irrapportati tliet ilmenti ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess, inkluż każ fejn is-sistema tal-IT ta’ kumpanija ta’ assigurazzjoni tat preferenza lill-policyholders irġiel. NCPE qalet ukoll li l-persentaġġ ta’ missirijiet li jieħdu l-leave tal-ġenituri għadu baxx ħafna. Fl-2023, 1.9% biss mit-talbiet għall-leave fil-settur pubbliku ġew mill-irġiel, u fis-settur privat, kien hemm biss 13-il applikazzjoni minn 200 applikazzjoni fl-2024 li ġew minn missirijiet. L-aspettattivi kulturali u dawk fuq il-post tax-xogħol għadhom ostaklu għall-qsim ugwali tar-responsabbiltajiet tal-kura.

Aktar kumpaniji jiksbu l-Marka tal-Ugwaljanza tal-NCPE

Minkejja dawn l-isfidi, 34 kumpanija kisbu l-Marka tal-Ugwaljanza tal-NCPE matul dawn l-aħħar tliet snin u 75 kumpanija reġgħu kkonfermaw iċ-ċertifikazzjoni – dan ikopri ‘l fuq minn 37,300 impjegat f’diversi industriji.

Vivian qed tkompli ttejjeb il-politiki tagħha biex ikunu konformi mal-istandards legali u etiċi li qegħdin jevolvu. “Għaldaqstant, il-ħolqien ta’ kultura inklussiva jinħtieġ djalogu kontinwu, taħriġ u fiduċja. L-għan tagħna hu li nżommu post tax-xogħol fejn l-impjegati jħossuhom siguri, mismugħa u mħeġġa,” spjegat Joanna Gatt.

Biex dan iseħħ Vivian qiegħda tintegra l-prinċipji tal-ugwaljanza fil-ħidma ta’ kuljum permezz ta’ programmi ta’ taħriġ strutturat, kampanji ta’ għarfien u mekkaniżmi ċari ta’ rappurtar. L-impjegati jiġu edukati dwar id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom u b’hekk jinħoloq ambjent tax-xogħol ħieles mid-diskriminazzjoni, fastidju jew bullying.

Vivian qiegħda tippjana wkoll li tintroduċi inizjattivi ġodda dwar il-flessibilità fuq il-post tax-xogħol. Barra minnhekk, il-kumpanija qiegħda tiffoka fuq strateġija ġdida ta’ reklutaġġ biex tattira iżjed talent filwaqt li tiżgura opportunitajiet ugwali għall-impjegati kollha. “Se nibqgħu impenjati li nkomplu nevolvu l-mod kif naħdmu biex nappoġġjaw lill-ħaddiema kollha tagħna billi nrawmu ambjent ġust u inklussiv, insaħħu kemm lit-tim tagħna kif ukoll is-servizz li nipprovdu lill-klijenti tagħna,” temmet Joanna Gatt.

Bħala prova oħra tal-impenn tagħha, Vivian kienet fost l-ewwel firmatarji taċ-Charter Malti għad-Diversità u l-Inklużjoni f’Malta meta din inħarġet f’Mejju 2024. Din l-inizjattiva tkompli ssaħħaħ id-dedikazzjoni tal-kumpanija biex toħloq ambjent tax-xogħol divers u inklussiv li jibbenefika lill-impjegati, lill-klijenti u lis-soċjetà inġenerali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport