Saturday, December 21, 2024

Negozji Maltin qed ikomplu jżidu l-attività kummerċjali fl-Afrika

Aqra wkoll

Il-Ministru Evarist Bartolo f’laqgħat ma’ Ministri Afrikani fir-Rwanda

“Il-Gvern Malti jqis lill-Afrika bħala art mimlija opportunitajiet fejn in-numru ta’ negozji Maltin li joperaw fl-Afrika qiegħed jiżdied u jeħtieġ li jkompli jkun sostnut”. Qal dan il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo meta ltaqa’ ma’ bosta Ministri minn pajjiżi Afrikani waqt it-tieni laqgħa Ministerjali bejn l-Unjoni Afrikana u l-Unjoni Ewropea, fir-Rwanda. Il-Ministru Bartolo ltaqa’ wkoll mal-Kummissarju għall-Affarijiet Soċjali tal-Unjoni Afrikana, Amira Elfadil.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Bartolo qal li l-Ewropa u l-Afrika m’għandhomx ikunu biss ġirien twajba, iżda għandhom jaħdmu qatigħ biex ikunu sħab indaqs. Il-Ministru Bartolo fisser kif il-passat kolonjali m’għandux ikun perpetwat fil-futur, inkella ma jkunx jista’ jiġi meqjus bħala passat. Semma kif ta’ kull sena, skont l-UNCTAD, mas-76 biljun ewro jinħarġu mill-Afrika b’mod illeċitu, bid-detriment li bosta popli jkunu mċaħħda minn servizzi soċjali u ħtiġijiet bażiċi.

Matul is-sena li għaddiet, 70% tal-esportazzjoni mill-Unjoni Ewropea lejn l-Afrika kienet karatterizzata minn prodotti manifatturati. Filwaqt li fl-istess perjodu, 61% tal-esportazzjoni mill-Afrika lejn l-Unjoni Ewropea kienet tikkonsisti minn ikel u xorb, materja prima u enerġija. Il-Ministru Bartolo qal li biex wieħed jindirizza dawn ix-xejriet jeħtieġ iżjed opportunitajiet ta’ edukazzjoni, taħriġ u impjiegi liż-żgħażagħ tal-Afrika li bosta minnhom jesperjenzaw il-qgħad u l-faqar. Il-Ministru Bartolo qal li dwar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni jeħtieġ li ċ-ċaqliq tal-persuni jkun wieħed regolat. Għamel referenza għall-ħtieġa ta’ fruntieri sikuri, fejn it-traffikanti tal-persuni jkunu mwaqqfa f’kull fażi tal-operat tagħhom u kull persuna li tixraqilha l-ażil tingħata l-protezzjoni kif mistħoqq.

Matul din il-laqgħa bosta Ministri Afrikani u Ewropej wasslu l-messaġġ tagħhom dwar kif l-Afrika u l-Ewropa jistgħu jikkoperaw flimkien fil-ġejjieni, għall-ġid taż-żewġ naħat. It-temi prinċipali li ġew diskussi tul din il-laqgħa kienu l-paċi, is-sigurtà, il-governanza u l-immigrazzjoni, kif ukoll il-ħtieġa ta’ investimenti li jsaħħu s-sostenibbiltà u l-investiment fil-kapital uman f’oqsma bħax-xjenza, it-teknoloġija, l-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet.

Il-materji li spikkaw tul il-laqgħa kienu l-effetti tal-bidla fil-klima fuq l-ekonomiji Afrikani, il-ħtieġa ta’ qafas u strumenti biex ikun hemm iżjed sostenn għal proċessi favur il-paċi, il-kwestjoni tal-immigrazzjoni u ċ-ċaqliq tal-persuni mill-pajjiż taloriġini, il-qasam diġitali bħala mezz tat-tisħiħ tal-koperazzjoni bejn it-tnejn, kif ukoll it-tisħiħ tar-rabtiet kulturali.

Il-Ministru Bartolo kien akkumpanjat mis-Segretarju Permanenti s-Sur Christopher Cutajar. Din il-ħidma fi Rwanda hija xhieda ħajja tat-twettiq tal-istrateġija għall-Afrika adottata mill-Ministeru f’Jannar tas-sena li għaddiet.

Ekonomija

Sport