Friday, May 17, 2024

Kellu jitgħallem jimxi mill-ġdid iżda llum ħieles mill-kanċer

Aqra wkoll

“Kien ritratt li lili qasamli qalbi. Irriflettejt fuq li riflettejt fuqu. Dak it-tifel li kellu biss erba’ snin, dgħajjef, bla xagħar, jidher fil-kamra tal-banju akkumpanjat minn oħtu biex jirremetti kawża tat-trattament tal-kimoterapija. Kienu qed jilagħbu imma kellhom jieqfu. Ir-ritratt żammejtu fil-mowbajl biex anke lil uliedi nurihom ir-realtajiet tal-ħajja. Xi drabi fil-ġenn li qegħdin fih u bil-ħajja mgħaġġla faċli ninsew ċerti realtajiet. Aljenati kif inkunu nibdew ninsew tbatijiet li għaddejjin minnhom oħrajn madwarna. Illum dak ir-ritratt inħares lejh u nibki bil-ferħ. Bikja dik l-istorja fi żmien imdallam, illum inibdlet totalment u tifel jinsab imfejjaq. Bqajt issegwieh, u llum hu uffiċjalment ħieles mill-kanċer. Kien proprju ftit jiem ilu li anke tneħħielu l-port minn fejn kienu jtuh il-kimoterpija”.

Dan kien il-kumment li għadditilna Carmen, omm ta’ żewġ ulied, li bħal ħafna ommijiet oħra kienet qasmet qalbha meta sentejn u nofs ilu kien beda jixxerred ritratt ta’ Beckett, tifel li kien jgħix f’Texas, liema ritratt kien qed juri lit-tifel fil-kamra tal-banju ma’ oħtu f’mument fejn kien qed jirremetti waqt li kienu qed jilgħabu. Ir-ritratt tista’ tgħid li dar id-dinja, b’omm Beckett tgħid li l-għan tagħha kien li turi it-tbatija li jgħaddu minnha familji ta’ tfal bil-kanċer. Fi kliem Carmen, “dak li għadda minnu dan it-tifel, jgħaddu minnu għadd ta’ tfal oħra anki f’pajjiżna. Ritratt li jurik li qatt m’għandek  taqta qalbek anke f’sitwazzjonijiet li jkunu diffiċli ħafna. Naf diversi familji li kienu għaddejjin minn dawn ir-realtajiet. Ibatu fis-skiet. Jiffaċċjawhom kważi kollox waħidhom. Toqol kbir li xi drabi iħossuhom jogħtru taħtu. Fortunati f’Malta, li għandna staff bħal dak ta’ Rainbow Ward li jmorru oltre minn xogħlhom biex ikunu ta’ wens u sostenn għal familja. F’dawk is-sitwazzjonijiet hu importanti ħafna li l-familja ma tħosshiex waħedha”, tgħidilna l-omm.

Proprju ftit jiem ilu, lil Beckett tneħħielu l-port tal-kimoterapija u b’hekk hu ħieles mill-kanċer

Kien proprju ftit jiem ilu li Beckett li lllum għandu sitt snin ġie dikjarat ħieles kompletament mill-kanċer. Aħbar li intalqgħet b’mod pożittiv ħafna. Ommu ma naqsitx li tesprimi dan fuq is-sit soċjali tagħha.  “Tiddikjara li “minn ġellied kontra l-kanċer, illum nistgħu ngħidu li inti irbaħt lil kanċer. Tlett snin u nofs ta’ kimoterapija kuljum. Spiċċajt kellek titgħallem timxi. Tlift xahrejn għal darba darbtejn minħabba l-kimoterapija.  U fil-15 ta’ Ottubru tneħħielek il-port li minnu kont tingħata l-kimoterapija. Ibni inti tkompli timmeraviljani”, tiddikjara ommu. 

Kien fis-sena 2018 meta Beckett kien ġie dikjarat li qed ibati minn lymphoblastic leukemia.  Ftit xhur wara, l-omm kienet ħadet ritratt ta’ binha akkumpanjat minn oħtu meta waqt li kienu qed jilgħabu kellhom jieqfu biex imur jirremetti. Ritratt li juri l-istat dgħajjes tat-tfajjel b’oħtu  b’idejha fuq dahru biex tagħmillu kuraġġ.  Riedet turi l-impatt li din il-marda fuq it-tfal u fuq il-familja kollha. 

“Jirrmetti waqt li jkun qed jilgħab ma’ oħtu. Iqum bil-lejl biex jirremetti. Oħtu dejjem qrib ħuha u tara li tagħmillu kuraġġ”, kienet kitbet l-omm meta ppubblikat ir-ritratt, waqt li tgħid kif rat lil binha jinxtorob f’dak li hu piż.

L-omm tgħid li “ħaġa waħda ma jgħidulekx fejn tidħol il-marda tal-kanċer fit-tfal. Din hi dik li din taffettwa l-famija sħiħa. Tisma’ fuq l-aspett finanzjarju u dak mediku, imma kemm tista’ fuq it-tbatija li jkunu għaddejjin minnha l-familji li jkollhom dawn it-tfal. It-tbatija li jesperjenzaw matul il-jum u bil-lejl fil-kwiet ta’ darhom.

Kien proprju f’Awwissu li għadda li Beckett irċieva l-aħħar trattament kontra l-kanċer.  Imma minkejja li t-tbatija li għadda minnha hi xi ħaġa tal-passat, hu u oħtu baqgħu marbutin ħafna flimkien.

L-omm tispjega li “jimxu flimkien mil-iskola sad-dar. Anki jekk għandhom kamra tas-sodda differenti, huma jorqdu flimkien. Il-marda u l-mod kif oħtu Aubrey kienet tgħinu u tagħmillu kuraġġ fl-aktar mumenti iebsa, ħolqot rabta qawwija bejniethom.”

Tispjega li “anke meta fl-iskola kien ikollu ġurnata iebsa, l-għalliema tiegħu kienet issejjaħ lil oħtu. Hi taf eżatt x’għandha tagħmel biex tgħinu u tagħmillu kuraġġ.”

Sport