Ilek ftit snin tokkupa r-rwol ta’ Chairman tal- Malta Premier. Għaliex iddeċidejt li tieħu din ir-responsabbiltà fil-futbol meta l-karriera tiegħek hija waħda politika?
Jiena kont ġejt ikkuntattjat biex nagħti kontribut. Hija xi ħaġa li nagħmel b’xejn, nieħu pjaċir, u għandi passjoni għall-futbol Ħafna nies li qegħdin fil-futbol huma nies ġenwini u ma jidħlux biex jieħdu xi ħaġa lura. Anzi ħafna minnhom joħorġu l-flus tagħhom personali u ma tantx jieħdu l-grazzi, għax jekk jirbħu … ikun mertu ta’ kulħadd, u jekk it-team jitlef … jieħu t-tort l-president u għaldaqstant għandi ħafna ammirazzjoni lejn dawn in-nies li qed jagħtu ħinhom għall-komunità.
Kif wasaltu biex jiġi introdott dan il-format il-ġdid li fil-verità ħafna dilettanti tal-futbol għadhom ma fehmu xejn. Għaliex għażiltu dan il-format meta dawk preċedenti utilizzati mill-MFA kienu aktar sempliċi – jiġifieri ċ-Championship u r-Relegation Pool … jew inkella b’żewġ jew tliet rounds kif jintlagħbu fil- Kampjonati Ewropej?
Naqbel li għad hemm ħafna li ma fehmux dan il-format iżda s-sitwazzjoni hija waħda … fejn f’ħafna kampjonat u kompetizzjonijiet li jsiru madwar id-dinja, u fejn jidħol l-isports, wieħed qed dejjem ifittex biex iżid l-ispettaklu u jżid l-inċertezza. Dan ifisser li dak li jkun ma jkunx daqshekk faċli biex ibassar x’qiegħed jiġri. Nistgħu nħarsu lejn l-iktar kompetizzjoni segwita fuq dak li għandu x’jaqsam mal-clubs – il-UEFA Champions League.
Il-UEFA, setgħet kompliet snin ilu bis-sistema tan-Knockout … iżda minflok … daħħlet is-sistema tal-gruppi. Din is-sistema bdiet issir ħafna aktar prevedibbli u kien ikun ċar min kienu se jkunu dawk iż-żewġ timijiet li jikkwalifikaw minn kull grupp.
In-nies ma fehmux ukoll x’kien qed jiġri, sakemm kienet tiġi l-aħħar logħba u hemm bħal donnu kulħadd beda jidra u kulħadd beda jifhem x’qed jiġri. Bl-istess mod nemmen li hekk se jiġri issa fil-Malta Premier … li kif noqorbu lejn it-tmiem tat-Top 6 u tal-Bottom 6, li hija l-fażi fejn naraw jekk hux ser ikollna rebbieħ awtomatiku tal-kampjonat jew inkella semi-finali u finali.

F’dan il-każ jista’ jkollna finali bejn Birkirkara u Floriana, jekk itemmu fl-ewwel żewġ postijiet rispettivament fil-Closing Round. Jista’ jkollna wkoll żewġ sem-finali jekk ma’ dawn iż-żewġ timijiet ikun hemm żewġ timijiet oħra li jidħlu fit-taqtiegħa … u għalhekk naħseb li ssir aktar li wieħed jifhimha minbarra li hemm aktar imprevibbiltà.
Qed jiġru ħafna aktar sorpriżi u dawn qed jiġru l-aktar għax prattikament, minn 12-il team hemm sitta minnhom li jħossuhom u li għadhom ċans li jekk ikollhom sensiela qawwija ta’ logħbiet tajbin, ikollhom ċans għar-rebħ tal- kampjonat fl-aħħar mill-aħħar.
Kemm taħseb li dan il-format huwa applikabbli għall-football Malti f’dan l-ewwel staġun sperimentali? Ma taħsibx li dan il-format huwa purċissjoni ta’ fixtures biex iwasslu sa Mejju/Ġunju?
Fil-verità, nerġa’ ngħid li dak li l-iskop hu li jinħoloq aktar divertiment u jkun hemm aktar inċertezzi.
Għadna fl-istaġun ta’ transizzjoni u nemmen li l-ewwel kontijiet nistgħu niġbruhom lejn l-aħħar tal-istaġun.
Issa x’ser ikun qed jiġri bejn issa u l-aħħar tal-istaġun, ser jgħin biex ikollna analiżi ta’ dan il-kampjonat u ta’ dan il-format.
Imbagħad għad iridu jintlagħbu t-tieni u t-tielet staġun biex nanalizzaw u nistabilixxu kollox. U żgur li sa dak iż-żmien ikunu fehmu aktar is-sitwazzjoni u jekk kienx hemm impatt pożittiv jew le.
Li nista’ ngħid hu li minn dak li ħareġ s’issa żgur li hemm aktar logħob inċert u aktar timijiet, li jinżlu għal-logħob b’aktar saħħa u b’aktar rieda li jiksbu riżultat.
Minn 12-il team hemm numru sewwa ta’ timijiet li għadhom biċ-ċans għar- rebħ tal-kampjonat. Il-Malta Premier hija responsabbli mill-kampjonat tal-ogħla diviżjoni. X’jiddifferikom mill-MFA u fl-istess waqt kif taħdmu f’konformità mal-Assoċjazzjoni Maltija … għax il-perċezzjoni mad-dilettanti tal-football hija kemmxejn konfuża.
L-MFA hija r-regolatur; huma n-nies li jieħdu ħsieb ir-referees u r-regoli tal- logħba. Aħna bħala Malta Premier, aħna l-assoċċazzjoni tal-clubs li dħalna mal-MFA biex norganizzaw dan il-kampjonat flimkien.
Hija sitwazzjoni ġdida li għall-bidu twassal għal numru ta’ mistoqsijiet, iżda li fl-aħħar mill-aħħar teżisti kważi f’kull pajjiż tal-Ewropa … u toħroġ il-ġid li hemm f’din is-separazzjoni. Is-sena d-dieħla wieħed se jkun qed jara aktar titjib.
Issa li wasalna kważi għat-tieni fażi tal-Closing Round, kif tara l-livell tal-football Malti? Minkejja li hemm ir-regola li tmien players barranin jistgħu jilagħbu b’mod simultanju ma taħsibx li l-players Maltin b’mod gradwali qed jiġu mwarba?
L-anqas xejn … għax fil- verità tinduna ħafna drabi li numru sew ta’ timijiet, speċjalment it-timijiet l-aktar li qegħdin jikkumbattu għat-titlu, qed jutilizzaw player Maltin. Jiena nemmen li l-coaches u l-klabbs qed iħarsu lejn l-aħjar players li jistgħu jġibu, u jekk dak il-players bil-budget li għandhom ikunu players Maltin jew barranin, jaraw huma liema l-aħjar players li jistgħu jġibu.

Ikun hawn min jaħseb li huma l-klabbs il-kbar li jimbuttaw l-aktar biex ikun hawn il-barranin iżda mhuwiex il-każ. Nerġa’ ngħid li għandna sitwazzjoni fejn hemm numru ta’ klabbs li ma jużawx il-barranin u għandna s-sitwazzjoni fejn għal kull barrani li trid tirreġistra qed imorru flus ġo pot li mbagħad jitqassam bejn iż-żgħażagħ Maltin li jilagħbu. Is-sena l-oħra kien hemm tnejn, anke tliet timijiet li qalgħu ammont mhux żgħir ta’ flus .
Punt interessanti li int kont qajjimt huwa li l-kampjonat għandu jibda f’Jannar/Frar u jintemm f’Ottubru/Novembru biex it- timijiet li jikkwalifikaw għall-kompetizzjonijiet Ewropej jibqgħu għaddejjin bil-forma fiżika u jkunu preparati biex jiffaċċjaw lill-avversarji barranin waqt li jkun għaddej il-kampjonat. Dan ifisser li l-kampjonat Malti jintlagħab fix-xhur sħan tas- sajf meta l-poplu Malti jieħu l-btajjel tiegħu u jippreferi li jmur il-baħar u jorganizza l-barbecues milli jattendi għall-partiti tal-kampjonat. Din l-idea għadha fuq l-aġenda jew ġiet abbandunata għal kollox?
Iva, għadha fuq l-aġenda. Fis-sajf, il-Maltin imorru l-festi, isiefru barra minn xtutna iżda ma jmorrux jaraw logħob tal-football hawn Malta għax ma jkunx hawn logħob. Nemmen li s-sajf huwa aktar attraenti, u jekk ikollok xi ħaġa eżempju fid-9.00 pm se tattiralek aktar nies u taġevola lill-klabbs li jkunu mpenjati f’kompetizzjonijiet Ewropej ukoll.
Għalkemm mhijiex faċli, hija biss idea li toħroġ minn dak li ġara f’pajjiżi oħra. U għalkemm tkun sħana, il-klabbs xorta jilagħbu fis-sħana u l-European Qualifiers xorta jintlagħbu fis-sħana. Mhijiex dik il-problema, … iżda l-problema vera hija l-faċilitajiet, il-grounds, jekk għandniex biżżejjed stadia fejn isiru dawn l-affarijiet u jekk l-istadia li għandna bil-ħaxix naturali jifilħux ċertu logħob f’ċertu żmien. Dan l-istaġun rajna partita waqt ix-xita f’Tony Bezzina Stadium fejn setgħet tiġi abbandunata iżda s-sitwazzjoni ttranġat minnufih għax in-nies responsabbli mill-ewwel ħadu azzjoni.
F’Jannar li għadda, il-Malta Premier ħarġet statistika li b’paragun mal-istaġun preċedenti, l-attendenza żdiedet b’1,400 spettatur biss. Ma taħsibx li l-objettiv ma ntlaħaqx? U jekk dan l-istaġun huwa sperimentali, xi pjani għandkom biex l-attendenza tiżdied …. minbarra l-fatt li fl-istaġun li ġej se tiżdied b’mod sostanzjali grazzi għall-partitarji Beltin li jitilgħu bi ħġarhom biex isegwu lit-team tagħhom li ġie promoss għall-ogħla diviżjoni. Għandkom xi forma ta’ inċentivi ppjanati?
Dan l-istaġun huwa sperimentali, huwa tranżizzjoni u l-ġudizzju għalih irridu nistennew sal-aħħar tal-istaġun.
Minflok 14-il tim għandna tmienja u xorta n-numru ta’ telespettaturi żdiedu, jiġifieri, huwa ħafna aktar pożittiv milli wieħed jistenna.
L-aħħar logħba bejn Hamrun Spartans u Floriana l-attendenza medja splodiet. Irridu naraw l-aħħar logħob tal-istaġun li jkunu qed jattiraw aktar attenzjoni biex niġu għall-konklużjoni. It-televiżjoni jaffettwa għax meta tintlagħab logħba fost il-ġimgħa ħafna aktar nies isegwu minn fuqu; ikollok mal-25,000 household li qed isegwu speċjalment meta jkun hemm logħba importanti.
Imma t-televiżjoni jservi bħala reklam għax meta n-nies jaraw l-atmosfera li hemm ser jitħajru n-nies biex il-ġimgħa ta’ wara jitilgħu l-istadium għall-atmosfera. Jiena nemmen li ħafna mill-affarijiet jiddependu mid-dixxiplina tal-klabbs, assessjar li joħroġ mill-pulizija, iżda nemmen ukoll li l-irwol tal-pulizija hu li tkun qiegħda hemmhekk minħabba inċidenti ta’ razziżmu, vjolenza, u mhux għax titkellem ħażin. Ir-rwol irid ikun speċifiku, filwaqt li l-irwol tal-istewards ikun mod ieħor.
Illum kulħadd jitkellem fuq il-VAR. Kemm int favur jew kontra u għaliex? Fir-realtà hija xi ftit remota biex tiġi introdotta din it-teknoloġija fil-kampjonat tagħna minħabba li s-sostenn tiegħu jlaħħaq il-miljuni ta’ ewros minħabba r-riżorsi umani, kameras, eks uffiċjali li jridu jħaddmuha kif ukoll il-makkinarju nnifsu. Kien hemm xi forma ta’ diskussjonijiet bejn il- Malta Premier u l-MFA biex xi darba tiġi introdotta din it-teknoloġija?
Għandna diskussjoni- jiet mal-MFA; ma naħsibx li hija remota … anzi nemmen li fiż-żmien relattivament ferm qasir din it-teknoloġija se tiġi introdotta fil-kampjonat domestiku. Hija kwistjoni ta’ ftit xhur, u hija l-mod ta’ kif tiġi introdotta. Important li jkollna l-VAR. Mhuwiex fattibbli għalissa li jkun disponibbli għal kull logħba tal-kampjonat Malti, bil-mod ta’ kif inhi t-teknoloġija.
Li jkollna l-VAR għal ċertu fażijiet tal-kampjonat u għall-FA Trophy huwa aktar viċin li jiġi introdott – għat-Top 6 jew il-Final 4 u l-finali tal-FA Trophy, dawn huma aktar affarijiet li nistgħu naraw żviluppi fis-snin li ġejjin.
Matul dan l-istagun ġiet innotata wkoll kampanja qawwija ta’ marketing mill- Malta Premier. Barra minn hekk x’investiment qed isir biex jissaħħaħ aktar l-objettiv tagħkom?
It-trends li qed joħorġu mill-Kampjonat Ewropej huma li l-aktar data li wieħed qed jieħu attenzjoni għaliha, m’għadhiex it- televiżjoni izda aktar l-engagement fuq il-midja soċjali; U hemmhekk minn preżenza żero, bħalissa, l-aqwa tliet datas li jinteressaw lill-isponsors hija kemm in-nies jaraw il-highlights tal-logħob fuq Facebook jew fuq Instagram. Dan juri li hawn interess fil-futbol Malti u huwa akbar milli naħsbu.
Matul dawn l-aħħar jiem, ġie mħabbar li l-istewards se jieħdu post il-pulizija. X’se tkun eżattament il-funzjoni tagħhom?
Il-liġi hi ċara li hemm ċertu tip ta’ taħriġ u liċenzjar biex wieħed ikun steward.F’Malta hekk wieħed jaħdem; ftit li xejn tara pulizija, u kulħadd ikun immexxi mill-istewards. U din tnaqqas ukoll mit-tensjoni li tara pulizija.
L-irwol tal-pulizija naturalment huwa kruċjali biex jekk jinqalgħu xi ċirkostanzi jiġu identifikati bil-forzi tal-ordni.
Ma taħsibx li, minbarra l-Istadium Nazzjonali, il- kwalitá tal-grounds u tal- venues trid titjieb? Kemm taħseb li dawn jifilħu partiti ta’ profil għoli?
Jekk qed nitkellmu dwar it-turf; issa anke bl-upgrading li sar, il-Victor Tedesco Stadium huwa tajjeb ħafna għalkemm irid jitranġa xi ftit fejn jidħol dawl. Il-faċilitajiet f’Ta’ Qali u f’Tony Bezzina Stadium ukoll, iżda l-Istadium Nazzjonali huwa wisq kbir, filwaqt li l-istadia l-oħra huma żgħar wisq. Ruma ma saritx f’ġurnata, għaldaqstant mexjin ftit ftit!