Julian Fenech, student tas-sitt sena tal-Iskola Primarja STC Annibale Preca ta’ Ħal Lija, irċieva l-Premju Papa Ġwanni XXIII għat-Tjubija 2025, premju li huwa organizzat mill-Laboratorju tal-Paċi.
F’kumment lil dan il-ġurnal, Julian Fenech spjegalna li dan il-premju għalih ifisser li qed jgħin ħafna lil sħabu. Qal ukoll li hu jkun ta’ ħafna għajnuna kemm għal sħabu, għall-ġenituri tiegħu, kif ukoll għan-nies ta’ madwaru fis-soċjetà.
Huwa żied jgħidilna li kull individwu għandu jagħmel mill-aħjar li jista’ u jgħin lil kulħadd anke bl-iktar ħaġa ċkejkna. Enfasizza wkoll fuq l-importanza li għandha tingħata l-għajnuna lil dawk bla saqaf fuq rashom.
Fenech ġie nnominat għal dan il-premju mill-Kap tal-Iskola, is-Sur Lawrence Darmanin. Waħda mill-aktar kwalitajiet notevoli ta’ Julian hija d-dedikazzjoni tiegħu lejn studenti bi bżonnijiet speċjali u dawk minn kulturi differenti. Hu dejjem lest jaħdem magħhom, speċjalment meta jkun hemm xogħol fi gruppi.
Julian huwa eżempju ta’ xi jfisser li tkun ta’ qalb tajba. Dejjem bi tbissima ħelwa fuq wiċċu u atteġġjament pożittiv, it-tjubija tiegħu tidher f’ġesti żgħar ta’ kuljum bħal meta jaqsam l-affarijiet tiegħu, joffri kliem ta’ kuraġġ, jgħin lill-istudenti barranin jagħmlu traduzzjoni għal-lingwa Ingliża dak li jkun qed jingħad bil-Malti waqt attivitajiet barra mill-iskola u jġib materjal żejjed mid-dar biex jaqsmu ma’ dawk li jkunu nsewhom.
Fid-diskors tagħha, il-President Myriam Spiteri Debono enfasizzat fuq dawn il-valuri, u waqt li indirizzat lill-ġenituri u l-edukaturi preżenti, irrikonoxxiet l-importanza li nrawmu fi wliedna s-sens ta’ altruwiżmu. Il-President aċċennat li dawn il-valuri jservu bħala l-pedamenti ta’ soċjetà iktar b’saħħitha, li tinkludi lil kulħadd fi ħdanha.
Il-President qalet li hu b’dan il-mod li t-tfal jirrikonoxxu l-valur ta’ kull wieħed u waħda minnhom, tissaħħaħ il-kunfidenza fihom infushom, u b’hekk ikunu parti integrali u jikkontribwixxu fis-soċjetà.
Min-naħa tiegħu, Patri Dijonisju Mintoff, li ilu jorganizza dan il-Premju għal 55 sena, tkellem dwar kif ġesti bħal dawk ta’ Julian huma importanti u li hu meta wieħed jgħix ħajtu b’dawn il-valuri li s-soċjetà tgħożż u tgħix fil-paċi.