Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-hockey?
L-isport minn dejjem kont inħobbu. Meta t-tfal kienu għadhom iżgħar, ħadthom għal kull tip ta’ sport li xtaqu jippruvaw. Tnax-il sena ilu bdew jilagħbu hockey ma’ Qormi Hockey Club, u mhux biss sabu l-isport tagħhom hemm, imma għaddew il-passjoni lejn il-hockey lili wkoll. Sirt napprezza l-logħba tal-hockey iktar fil-fond, napprezza l-istrateġija wara kull logħba, l-għaqda li hemm, id-dixxiplina u l-livell ta’ impenn li hemm bżonn kemm mill-players kif ukoll mill-familjari tagħhom. Hemm ġejt avviċinata biex nifforma parti mill-kumitat fejn għadni ngħin sal-lum.
Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala membru tal-kumitat fi ħdan Qormi HC.
Bħala Segretarja tal-Klabb, għandi rwol li hu iktar amministrattiv u relatat mat-tmexxija tal-klabb. Nieħu ħsieb laqgħat bejn il-membri tal-kumitat, u komunikazzjonijiet uffiċjali tal-klabb. Nara wkoll li l-klabb tagħna ikun konformi ma’ liġijiet u regolamenti kif meħtieġ. Jien ukoll id-delegata magħżula biex nirrappreżenta l-klabb tagħna fil-laqgħat tal-Assoċċjazzjoni tal-Hockey. Norganizza wkoll diversi attivitajiet għall-membri tagħna, flimkien mal-kumplament tal-kumitat. Barra minn hekk, ngħin kull fejn ikun hemm il-ħtieġa, per eżempju l-istaġun li għadda, ħadt ħsieb il-media soċjali tal-klabb. Jekk matul dan l-istaġun inkun hemm bżonn ngħin f’setturi oħra, ngħin ukoll.
X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess wara r-rebħ tal-kampjonat minn Qormi Daikin Hockey Club matul l-istaġun li għadda?
Nemmen li iktar milli sigriet, fil-klabb tagħna hemm valuri li huma l-bażi ta’ kull suċċess fil-ħajja. Ma nibbażawx biss fuq talenti individwali imma nemmnu ħafna fid-dixxiplina, fil-lealta`, fir-rispett u fl-għaqda fost il-membri.
Kellna staġun b’ostakli partikolari, imma dawwarna kull ostaklu f’motivazzjoni ikbar u wrjena logħba wara l-oħra xi tfisser li b’dixxiplina nibqgħu iffokati biex nieħdu t-titlu li kien mistħoqq. Id-dixxiplina żammet il-plejers magħqudin tul staġun sħiħ, żammithom leali lejn l-arma u lejn xulxin, u flimkien mal-kowċ, ħadmu b’impenn u b’rispett kbir.
Fit-tim, hemm taħlita ta’ plejers. L-esperjenza kienet kruċjali għax flimkien mal-kowċ, huma l-plejers ta’ esperjenza li jgħaddu l-gwida u l-kalma f’mumenti partikolari. Fl-istess ħin, għal sena oħra l-kowċ wera fiduċja kbira fiż-żgħażagħ li kibru fil-klabb. Dawn il-plejers mhux biss kisbu esperjenza matul l-istaġun, imma għenu wkoll biex tidħol iktar enerġija fit-tim.
Bħala membru tal-kumitat, ma nistax ma nsemmix il-membri sħabi u l-voluntiera. Naħdmu ħafna minn wara l-kwinti biex il-klabb ikompli jikteb l-istorja tal-hockey f’pajjiżna b’suċċessi u unuri meritati. Is-suċċessi kbar li kellna din is-sena huma l-ikbar sodisfazzjon li nistgħu nieħdu lura għall-ħin li nagħtu. Klabb li naħdmu flimkien, nikbru flimkien, nirbħu flimkien u niċċelebraw flimkien.
X’tikkummenta fuq is-suċċessi li ksibtu bħala klabb matul l-aħħar snin?
Is-suċċessi ma jiġux b’kumbinazzjoni, huma l-frott ta’ ħafna xogħol mill-kumitat, mill-grupp ta’ voluntiera li dejjem lesti li jgħinu, sigħat twal ta’ ppjanar mill-coaches tagħna, kif ukoll ħinijiet twal ta’ taħriġ b’dedikazzjoni u sagrifiċċji kbar mill-plejers. L-istaġun preċedenti, Qormi Hockey Club kien il-klabb rebbieħ ta’ kull kategorija fil-kampjonati lokali li saru. Rebaħ ukoll il-kompetizzjoni tal-Euro Hockey Challenge III li saret f’Ġibilta’. Din is-sena, il-klabb kellu l-ikbar numru ta’ unuri, kemm fil-qasam lokali tal-hockey, kif ukoll meta kkompetejna fil-Euro Hockey Challenge II fejn it-team wasal sal-finali, spiċċa l-logħba tal-final bi draw u tilef it-titlu biss waqt pentaly shoot-out. Dawn is-suċċessi jpoġġulna saqajna iktar sodi mal-art u jfakkruna kemm irridu nżidu l-impenn tagħna biex inżommu l-klabb fil-quċċata fil-hockey Malti.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għall-istaġun li ġej?
Irridu nkomplu nħarrġu lill-plejers żgħar tat-tim u nintegrawhom fil-logħob b’mod regolari biex nissodaw it-tim u nibqgħu nibnu fuq it-talenti u l-unuri passati. Naturalment, dan grazzi għat-team ta’ coaches li għandna, mmexxija mill-Head Coach Andre Ghio li jsegwi l-progress ta’ kull plejer b’mod individwali.
Riċentement, ġejt onorata b’unur speċjali mill-klabb. X’fisser dan l-unur għalik?
Il-Club Award li ngħatajt ifisser ħafna għalija. Niddedika parti kbira minn ħajti għall-klabb u għall-plejers għax nemmen fihom. Nipprova ngħaddi l-esperjenza u l-enerġija lil ħaddieħor u nipprova nħalli impatt pożittiv fejn nista’. Dan il-premju jfakkarni biex inkompli nagħti l-kontribut tiegħi biex inkomplu mixjin ‘l quddiem bħala klabb, magħqudin flimkien.
X’tikkummenta fuq ir-riżorsi fejn jintlagħab il-hockey f’pajjiżna?
Meta wieħed iżur pajjiżi oħra, jinnota kemm il-kumpless tal-hockey ġewwa pajjiżna għandu bżonn immodernizzar. Naf li għaddej xogħol intensiv biex ikun hawn il-bidla radikali mistħoqqa li tirrifletti l-progress kbir li sar f’dan l-isport mill-clubs f’Malta. Hija bidla meħtieġa u f’isem il-klabb nirringrazzja lil kull min qed jagħti ħinu biex dan iseħħ.
Il-fatt li int mara, kemm int kuntenta bin-numru dejjem jikber ta’ tfajliet li qed jilagħbu l-hockey f’ pajjiżna?
Sentejn ilu kont attendejt għal konferenza ġewwa Brussell iffokata fuq opportunitajiet li jistgħu jingħataw lil tfajliet f’dan l-isport. Minn hemm kienet nibtet l-idea li jinxtara l-apparat biex jibdew isiru logħob tal-Hockey 5s għal teams ta’ tfajliet. Qormi Hockey Club għandu tim iddedikat għat-tfajliet, Qormi Ladies, u jkollhom taħriġ regolari kull nhar ta’ Ħamis. Jien nittama li klabbs oħra jinvestu f’tim ta’ tfajliet ukoll sabiex eventwalment, jibda jkun hawn league għat-tfajliet biss, kif isir f’diversi pajjiżi oħra madwar l-Ewropa.
Kif tqis il-livell tal-hockey f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell tal-hockey f’Malta qiegħed dejjem jogħla. Għandna klabbs lokali li joffru kompetizzjoni qawwija lil xulxin u dan qed iwassal għal progress kontinwu fejn sena wara oħra qed nilħqu livelli ġodda. L-aqwa eżempju li nista’ nagħti biex nispjega dan b’mod fattwali huma r-riżultati li kiseb il-klabb fil-kompetizzjonijiet Ewropej matul dawn l-aħħar snin. Is-sena l-oħra Qormi Daikin ma ġarrabx telfa waħda ma’ timijiet minn Lussemburgu, Litwanja, Żvezja u Norveġja, sal-iskor finali. Dawn ir-riżultati huma nkoraġġanti biex inkomplu ninvestu u nħarsu ‘l quddiem.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-hockey.
Il-hockey huwa sport li joffri sfida sabiħa! Jekk tixtieq li tkun parti minn tim u tikber kemm bħala plejer kif ukoll bħala persuna, il-hockey huwa propju l-isport li joffrilek din l-opportunita`. Min hu interessat, jista’ jidħol f’kuntatt magħna għax hi x’inhi l-eta`, għandna tim ta’ kowċis ikkwalifikati biex b’dedikazzjoni kbira jgħinuk tiżviluppa u tikber f’dan l-isport.