Friday, November 22, 2024

‘Nemmen li s-suċċess tagħna bħala Mġarr United FC kien l-għaqda tal-grupp’ – Adrian Borg

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Kien Missieri li ħajjarni nibda nilgħab il-futbol minn ta’ etá żgħira u minn hemm nibtet l-imħabba lejn dan l-isport. Kien jittrenjani f’kull ċans li jkollu u anke fil-weekends. Kien u għadu ta’ ispirazzjoni għalija personali fejn ma kienx jitlef logħba, jagħtini pariri u jikkritikani u ta’ dan nirringrazzjah minn qalbi!

X’taħseb li kien is-sigriet wara s-suċċess li ksibtu meta sirtu champions tal-IZIBET Amateur League u ksibtu l-promozzjoni għall-BOV Challenge League?

Nemmen li s-suċċess tagħna bħala Mġarr United FC kien l-għaqda tal-grupp, u l-mod kif it-tim irreaġixxa meta ġew xi riżultati mhux mixtieqa.

X’tikkummenta fuq il-kowċ ta’ Mġarr United, Brian Spiteri?

Il-kowċ Brian Spiteri hu kowċ metikoluż, jaf xi jrid u li għandu esperjenza kbira. Huwa kowċ li rebaħ diversi promozzjonijiet ma’ timijiet differenti.

U fuq l-eks kowċ, Jason Camenzuli?
Huwa kowċ b’potenzjal, u nirringrazzjah tax-xogħol siewi li għamel fil-parti inizjali tal-istaġun li għadda, li ħejjiet pedament għas-suċċess finali.

X’tikkummenta fuq il-kumitat ta’ Mgarr United immexxi mill-president Manuel Zarb?

F’din is-sena li ilni ma’ Mġarr United sibt kumitat ħabrieki u ambizzjuż immexxi mill-president Manuel Zarb. Dejjem raw li ma kien jonqosna xejn u nemmen fil-pjan li beda sena ilu.

Taqbel li hemm differenza ta’ livell bejn it-timijiet ta’ fuq u dawk ta’ taħt fl-Amateur League?

Iva u ma naqbilx mal-format kif kien is-sena l-oħra, fejn wasslu għal riżultati surreali, b’kull rispett lejn kulħadd.

Taħseb li l-barranin li qed jiġu mhux dejjem qed ikunu ta’ livell ikkomparati mal-plejers Maltin?

F’kull livell tal-futbol Malti, ikun hemm barranin ta’ ċerta stoffa u oħrajn li jkun aħjar li kieku jiġi introdott żagħżugħ minn xi akkademja minflok.

Kemm int kuntent bil-grawnds fejn tilagħbu l-logħob tal-Amateur League?

Qed isiru uċuh ta’ grawnds ġodda li huma ta’ kwalità tajba peró xorta ninnota differenza kbira, fejn fil-Kampjonat Premier jiġi mxarrab l-pitch sintetiku qabel il-logħob, filwaqt li fl-Amateur League u ċ-Challenge League le, bħal li kieku mhux xorta plejers se jilagħbu, b’riskju ta’ xi injury serja.  

Apparti minn hekk meta jixxarrab wiċċ sintetiku qed tnaqqas it-temperatura minn fuq il-pitch, tippreserva l-pitch u tgħin il-ballun jimxi aħjar.

X’taħseb dwar il-kontroll tar-referis fl-Amateur League?

Sodisfatt bil-kontroll tar-referis fl-Amateur League. F’dan il-kampjonat qed jingħata spazju lil referis b’ċertu potenzjal, qabel jagħmlu l-qabża f’livell ogħla.

Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xoghol tieghek u mal-futbol?

Hi kwistjoni ta’ bilanċ, fejn trid tuża l-ħin tiegħek sew. Jekk ikollok ċerti tragwardi, dejjem se ssib il-ħin. Apparti minn hekk dejjem kelli lil tal-familja jagħtuni s-sapport meħtieġ.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Iffirmajt għal sena oħra ma’ Mġarr United u nixtieq li din terġa’ tkun sena ta’ suċċess bħal ma kienet dik li għaddiet. Ovvjament, nitlob ‘l Alla li nibqa’ fit u kompetittiv dejjem.

Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera fil-futbol.

Aħdem u stinka għal dik l-opportunitá li dejjem xtaqt. Kun determinat f’dak kollu li qed tagħmel u apprezza s-sagrifiċċju li jagħmlu l-familjari għalik. Għalkemm mhux dejjem tiġi kif tixtieq, taqta’ qalbek qatt u ibqa’ konċentrat fil-miri li tixtieq tilħaq!

Sport