Sunday, November 10, 2024

“Nemmen li se nkunu qed naħdmu sabiex nattiraw aktar nies lejn ir-rugby “

Robert Portelli - president tal-Malta Rugby Football Union

Aqra wkoll

Robert Portelli hu isem sinonimu mar-Rugby lokali. Hu nħatar president tal-MRFU (Malta Rugby Football Union) wara l-Laqgħa Ġenerali Annwali li saret fl-aħħar ġimgħa ta’ Awwissu.

Portelli se jkollu numru ta’ persuni jgħinuh fil-ħidma tiegħu fosthom Rhona Xerri li nħatret viċi-president, Audrey Vella bħala Segretarju Ġenerali u Rose Marie Zammit bħalaTeżorier.

Martina Falzon inħatert PRO u Andrew Camilleri nħatar Business Development Manager.

Dan il-kumitat il-ġdid u ferm żagħżugħ għandu l-għan sabiex ikabbar il-popolarita’ tar-rugby f’pajjiżna apparti li jkun hemm aktar parteċipazzjoni mill-atleti involuti.

Talk.mt tkellem ma’ Portelli fejn tana aktar dettalji dwar il-pjan ta’ ħidma tiegħu issa li nħatar f’din il-kariga. Hu beda biex qal li l-clubs kellmuh u ħajruh sabiex jikkuntesta għall-elezzjoni li kienet se ssir filwaqt li rawh bħala l-bniedem ideali sabiex jieħdu r-riedni tal-MRFU f’idejh.

“Minn hawn nirringrazzja lill-clubs li avviċinawni u fuq kollox anke lil dawk l-individwi li vvutawli.”
“Personalment jien ilqajt is-sejħa tagħhom aktar u aktar minħabba li bħala klabb ma’ min kont ilħaqt il-miri li kelli nilħaq u għalhekk xtaqt stimolu ġdid sabiex dejjem inpoġġi objettivi oħra.”

“Għandi esperjenza fejn għandu x’jaqsam klabbs u b’hekk nemmen li nista’ nagħti kontribut kbir sabiex ir-rugby jkompli jipprogressa.”

Iżda Robert Portelli kif jarah il-livell tar-rugby f’pajjiżna?

“Minkejja li għandna ħafna limitazzjonijiet fejn għandu x’jaqsam faċilitajiet u anke pitches, naħseb li l-livell hu wieħed tajjeb ħafna. Dan kollu meta tqis li l-klabbs jaffaċċjaw diversi problemi bl-isponsors li dejjem tkun l-ikbar uġigħ ta’ ras.”

“Meta tqis li l-kampjonat lokali hu wieħed fejn dejjem ikun missielet u l-plejers barranin li jagħmlu dan il-kampjonat isbaħ, naħseb li m’għandnix xi ngergru fuq hekk.”

“Madankollu issa rridu ngħollu dejjem aktar il-livell, noħolqu inizjattivi ġodda u naraw li jkollna aktar plejers jilagħbu dan l-isport tant sabiħ”

Saqsejna lil Robert Portelli dwar il-faċilitajiet u jekk dak li hemm humiex biżżejjed.

“Ovvjament li mhux biżżejjed! Aħna nużaw il-Marsa Sports Ground għal-logħbiet tal-kampjonat u t-Tony Bezzina Stadium għal-logħbiet internazzjonali. Ċertament li għandna bżonn faċilitajiet li jkunu għar-Rugby biss. Naf li din mhux xi ħaġa li faċli tgħidha iżda se nagħtu l-almu tagħna sabiex l-ħolma tagħna ssir realta’.”

Robert Portelli hu wieħed minn dawk l-amministaturi li jaħdem qatigħ mhux biss fir-Rugby iżda wkoll fi sport ieħor inġenerali anke għax hu għalliem tal-edukazzjoni fiżika. X’jaħseb dwar il-mentalita’ tal-poplu Malti inġenerali fejn għandu x’jaqsam l-isport? Qed tinbidel?

“Jien qed nara titjib fil-mod ta’ kif il-ġenituri u anke t-tfal qed iħarsu lejn l-isport illum il-ġurnata. Qabel meta kont għadni tifel jien, il-mentalita’ kienet li meta int qed tipprattika l-isport, litteralment qed taħli l-ħin u li m’hu se jwasslek għal imkien. Nemmen li dik il-mentalita’ spiċċat u llum il-ġurnata qed tara aktar ġenituri li qed jaraw fejn se jieħdu lil uliedhom għat-taħriġ jew inkella jipprattikaw xi ħaġa. Dan hu pass ‘il quddiem lejn aktar parteċipazzjoni sportiva.”

Iżda Portelli kif sar iħobb l-isport?

“Niftakar li l-isport kien parti importanti minn ħajti. Dejjem kont nipparteċipa f’diversi kompetizzjonijiet fl-iskola filwaqt li ppruvajt kull tip ta’ sport fosthom handball, waterpolo, basketball u anke football. Madankollu kien ir-rugby dak l-isport li dejjem laqatni.”

Il-president il-ġdid tal-MRFU qal li jixtieq ħafna li jerġa’ jkun hawn żgħażagħ li jipprattikaw ir-rugby partikolarment nurseries li għalissa għadhom ftit wisq.

“Niftakar li fl-antik jien kont nikkowċja żgħażagħ li dak iż-żmien kienu tħajru jilagħbu r-rugby. Illum ftit għadek tara minnhom u dan hu punt li rridu naraw li mmexxuh ‘il quddiem.

Madankollu hu ottimist fuq il-futur tar-rugby f’pajjiżna iktar u iktar għax it-tim żagħżugħ li għandu għandhom entużjażmu sabiex dejjem jagħti l-kontribut tiegħu għall-iżvilupp tal-logħba.

“Kif nafu r-rugby dejjem ġab suċċessi kbar f’pajjiżna u anke internazzjonalment. Qed naħdmu ħafna sabiex insaħħu r-rugby 7s filwaqt li ninvolvu mhux biss żgħażagħ iżda wkoll nisa sabiex jinvolvu ruħhom f’dan l-isport.”

Novita’ li l-MRFU se jkunu qed jaħdmu fuqha hu proprju l-organizzazzjoni ta’ logħba internazzjonali li t-tim nazzjonali Malti se jieħu sehem fiha u li se tintlagħab fil-Gozo Stadium. Din il-mossa qed issir sabiex fuq kollox, it-tfal u ż-żgħażagħ Għawdxin jaraw aktar mill-viċin din il-logħba u forsi jitħajru jipprattikawha.

Finalment Robert Portelli xtaq iwassal messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u jixtiequ jaqbdu karriera fir-rugby.

“Ir-Rugby hu sport verament sabiħ li għandu benefiċċji kbar. Nemmen li se nkunu qed naħdmu sabiex nattiraw aktar nies lejn dan l-isport u għalhekk inħeġġiġhom jikkuntattjawni sabiex huma wkoll jagħmlu parti mill-familja sabiħa li għandna.”

Sport