Il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu se jivvjaġġa lejn Washington biex jiltaqa’ mal-President Amerikan Donald Trump biex miegħu jiddiskuti diversi kwistjonijiet fosthom it-tariffi, Gaża u ’l hekk imsejħa “theddida Iranjana”.
Uffiċjal tal-White House li tkellem mal-midja internazzjonali bil-kundizzjoni tal-anonomità qal li din il-laqgħa se ssir għada t-Tnejn.
L-Istati Uniti u l-Iżrael qegħdin jittrattaw ma’ diversi kwistjonijiet, inkluż l-impożizzjoni tat-tariffi ta’ Trump ta’ 17% uq importazzjonijiet mill-Iżrael, il-ħidma – li għadha ’l bogħod – għall-waqfien mill-ġlied f’Gaża u t-tħassib li qiegħed dejjem jiżdied dwar il-programm nukleari tal-Iran.
Netanyahu se jiltaqa’ ma’ Trump “biex jiddiskututi t-tariffi, l-isforzi biex jinġiebu lura ostaġġi Iżraeljani (minn Gaża), ir-relazzjonijiet bejn l-Iżrael u t-Turkija, it-theddida Iranjana u l-ġlieda kontra l-Qorti Kriminali Internazzjonali,” li akkużat lill-mexxej Iżraeljan b’reati ta’ gwerra,” qal l-uffiċċju tiegħu f’Ġerusalemm fi stqarrija.
It-taħditiet dwar it-tariffi jagħmlu lil Netanyahu l-ewwel mexxej barrani li se jkun qiegħed jivvjaġġa lejn Washington f’tentattiv li jinnegozja ftehim aħjar ma’ Trump.