Saturday, November 16, 2024

“Ngħollikom kollha … kollha naħraqkom”

14-il xahar ħabs għal raġel li hedded maġistrat u spettur fil-Qorti

Aqra wkoll

David Bonnici, ta’ 45 sena u residenti Ħaż-Żebbuġ, ġie kkundannat sena u xahrejn ħabs flimkien ma’ multa ta’ €1,000 wara li nstab ħati li hedded maġistrat u spettur fil-Qorti.

Huwa ġie akkużat ukoll li fl-istess jum (il-31 ta’ Mejju 2022), ħin u post, sar riċediv u kiser il-paċi pubblika.

Fid-data msemmija, l-imputat kien tressaq il-Qorti taħt arrest fejn ġie mixli b’diversi reati konnessi mal-vjolenza domestika. Waqt li l-Maġistrat Leonard Caruana kien qed ifissrilu li ma kienx qed jilqa’ t-talba tiegħu għall-ħelsien mill-arrest u kien qed jispjegalu l-implikazzjonijiet tal-ordni ta’ protezzjoni li kienet appena nħarġet fil-konfront tiegħu, l-imputat irvilla u beda jgħajjat. L-ispettur preżenti xehdet illi b’leħen għoli, dak il-ħin, l-imputat beda jgħid lill-Maġistrat: “Grazzi Sur Maġistrat li tfajtni l-ħabs ta, grazzi. U anke lilek spettur”. Fissret ukoll li lill-Maġistrat Caruana qallu: “M’intix raġel. Xi darba tasal tiegħek. X’taħseb li int? … Jien David Bonnici, u xi darba tkun taf min jien. Imbagħad, waqt li kien qed iħares lejja, lejn l-avukat tiegħu u lejn il-Maġistrat, qal: ‘Ngħollikom kollha … kollha naħraqkom’”.

Dan ġie kkonfermat mill-Maġistrat Leonard Caruana nnifsu li xehed illi: “Meta spjegajtlu l-proċess u meta spjegajtlu li ma tajtux il-bail, hemmhekk is-Sur Bonnici flippja. Flippja, qam bilwieqfa, beda jgħajjat, qal kliem fis-sens ‘għax intom tagħmlu l-arja ma’ min hu dgħajjef, u min hu b’saħħtu ma tagħmlulu xejn’. Imbagħad ħares lejja, qalli ‘int ma tafx min jiena. Jien inpattihielek; ngħollikom kollha kemm intom. Naħraqkom’.

Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Il-Qorti kkunsidrat il-fatt li l-imputat ġie mixli b’diversi reati u li huma ta’ natura ferm gravi. Tat ħarsa wkoll lejn il-fedina penali voluminuża tiegħu, fejn irriżulta wkoll li l-imputat instab ħati u ġie kundannat għar-reat taħt l-artikolu 95 tal-Kap. 916 xejn inqas minn tmien darbiet u minn dan il-Qorti fehmet illi l-imputat għandu problema kbira ta’ insubordinazzjoni kontra l-awtorità pubblika. Il-Qorti qieset ukoll li min-naħa tiegħu, l-imputat, minkejja li ngħata diversi opportunitajiet mill-qrati biex jiffirorma ruħu, ma tgħallem xejn, u lanqas ma tgħallem mis-sentenzi ta’ priġunerija li skonta ripetutament minħabba l-aġir aggressiv tiegħu, kemm lejn qrabatu uwkoll fil-konfront ta’ uffiċjali tal-Pulizija.

Tant hu hekk li f’Diċembru tal-2022 huwa reġa’ ġab ruħu b’mod aggressiv u b’rabja billi beda jgħajjat u jipponta subajgħ lejn il-prosekutur u wara li ġie mwiddeb mill-Qorti baqa’ jlissen l-oġġezzjonijiet tiegħu bi kliem dispreġġjattiv indirizzat lejha u lejn l-uffiċjali l-oħra kollha tal-Qorti u tal-Pulizija preżenti fl-awla. Riżultat ta’ dan ġie kkundannat xahar detenzjoni.

Il-Qorti tal-Maġistrati, ippreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, sabitu ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u kkundannatu 14-il xahar ħabs u multa ta’ €1,000.

Il-Qorti ordnat ukoll ordni ta’ trattament għal tliet snin fil-konfront tal-ħati sabiex jingħata trattament psikoloġiku biex jindirizza problema ta’ nuqqas ta’ kontroll, ta’ rabja u reżistenza għall-awtorità, kif ukoll trattament biex jegħleb id-dipendenza fuq id-droga. Ordnat ukoll li tinħareġ ordni ta’ trażżin bħala protezzjoni favur il-maġistrat u l-ispettur involuti.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Gabriel Micallef.

Ekonomija

Sport