Thursday, October 10, 2024

NIBQGĦU NAĦDMU BLA WAQFIEN B’RISQ PAJJIŻNA

Stefan Zrinzo Azzopardi
Stefan Zrinzo Azzopardi
Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali

Aqra wkoll

Il-ħidma tal-Gvern f’kull qasam għaddejja b’ritmu qawwi. Huwa ċar aktar minn qatt qabel li l-Oppożizzjoni ippruvat twaqqaf ir-ritmu qawwi li reġa qabad pajjiżna fl-irkupru tiegħu mill-pandemija billi xerrdet xniegħat li l-elezzjoni ġenerali kellha ssir dan ix-xahar. Riedet toħloq inċertezza u tipprova twaqqaf ir-ritmu ekonomiku ta’ pajjiżna.

Kien għalhekk li l-Prim Ministru Robert Abela stqarr fl-aħħar jiem li kien ovvju li l-elezzjoni ma kellhiex issir fl-aħħar ftit ġimgħat tas-sena għax l-elezzjoni għandha ssir meta hu fl-aħjar interess għal pajjiżna. Il-Gvern bl-ebda mod ma ried itellef il-bejgħ qawwi li jsir min-negozji f’dan l-aqwa perjodu tas-sena.  

Bħala Gvern ħallejna lill-Oppożizzjoni timmanuvra u tipprova ddaħħal lill-partitarji tagħhha f’atmosfera ta’ elezzjoni imminenti filwaqt li aħna bqajna għaddejjin bil-ħidma tagħna. Is-Segretarjat għall-Fondi Ewropej li tiegħu jiena responsabbli komplejna nipprogrammaw kif fis-seba’ snin li ġejjin, ha ninvestu l-ammont rekord ta’ €2.27 biljun ta’ fondi Ewropej li nrexxielna niksbu biex ninvestuhom fi proġetti ta’ ġid għall-poplu tagħna u għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

L-ewwel ma rridu nwettqu huwa propju l-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza li kiseb l-ammirazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għall-proġetti ambjentali li se nkunu qed inwettqu permezz tat-€320 miljun f’għotja ta’ Fondi Ewropej li se nkunu qed nirċievu mill-Unjoni Ewropea. Dan il-pjan issa ġie approvat mill-istituzzjonijiet kollha Ewropej u qed nistennew li jkun iffirmat biex nibdew nirċievu l-fondi u ninvestuhom fil-proġetti li qbilna dwarhom. 

Għandna proġetti konnessi mal-isforzi ta’ pajjiżna biex inaqqas l-emmissjonijiet tal-karbonju. Fil-fatt fil-jiem li għaddew flimkien mal-kollegi ministri Miriam Dalli u Ian Borg, nidejna l-proġett tal-bini taċ-charging pillars imferrxa mal-pajjiż kollu biex aktar nies jitħajjru jaqilbu għal karozzi elettriċi jew hybrid u b’hekk ikollhom il-faċilitajiet kollha meħtieġa biex jiċċarġjaw il-karozzi tagħhom. Dan irid jitqies ukoll fl-ambitu tas-sussidju kbir, li jista’ jlaħħaq sa €12,000 li l-Gvern qed jagħti fuq ix-xiri tal-karozzi elettriċi.

Aħna konxji kemm it-trasport f’pajjiżna huwa sors ewlieni tal-emmissjonijiet u għaldaqstant iddedikajna 54% tan-nefqa kollha tal-Fond tal-Irkupru u r-Reżiljenza għal proġetti li kollha għandhom jgħinu fl-isforzi li qed tagħmel id-dinja biex tipprova treġġa’ lura l-fenomenu tat-tibdil fil-klima li jista’ jħalli konsegwenzi negattivi ferm fuq il-ħajja ta’ miljuni ta’ nies madwar id-dinja. Kien għalhekk li dan il-pjan jinkludi wkoll investimenti biex jinbidlu l-karozzi kollha tas-servizz pubbliku għal dawk elettriċi u anke jew jinbidlu l-karozzi użati fit-trasport pubbliku. 

Fl-aħħar xhur komplejna bix-xogħol biex inħarġu għal konsultazzjonijiet pubblika li issa ntemmet, il-programmi ta’ investimenti li ser nagħmlu minn Fondi Ewropej fis-seba’ snin li ġejjin. Dawn jinkludu fondi mill-Fond Soċjali Ewropew Plus, mill-Fondi ta’ Koeżjoni, mill-Just Transition Fund, mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u anke mill-Fond Marittimu, is-Sajd u l-Akkwakultura. Hawnhekk ukoll se ninvestu miljuni kbar ta’ Ewro f’pajjiżna u fil-poplu Malti, b’inizjattivi ta’ tagħlim u taħriġ, inizjattivi fil-qasam tas-saħħa, fl-edukazzjoni, fil-qasam soċjali inkluż dak tal-inklużjoni, fl-infrastruttura u f’għajnuna lil kull tip ta’ intrapriża privata, kemm żgħar u ta’ daqs medju u anke intrapriżi kbar. Dawn il-programmi ta’ investimenti issa se jkunu qed jiġu evalwati mill-Kummissjoni Ewropea biex kif ikollna l-approvazzjoni tagħhom, nkunu nistgħu mill-ewwel nibdew naħdmu fuq il-proġetti miftehma. 

Mingħajr l-ebda dubju, il-ħidma tagħna favur pajjiżna u favur uliedna mhux talli ma waqfitx max-xniegħat li kien hawn min kellu interess li jxerred dwar elezzjoni bikrija, iżda talli żidna r-ritmu biex pajjiżna jkompli jirkupra u jissaħħaħ wara d-daqqa tal-pandemija. Dan huwa l-għan li għalih naħdmu kuljum, dak li naraw lil pajjiżna jerġa’ jaqbad ir-ritmu tal-progress li konna drajna bih sa ftit taż-żmien ilu, progress li jġib għajxien aħjar għal familji Maltin u Għawdxin. Din hija Malta li lkoll irridu għal uliedna.

Il-Ministri Miriam Dalli u Ian Borg flimkien mas-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi waqt it-tnedija tal-proġett taċ-charging pillars 

Sport