Saturday, December 21, 2024

NIBQGĦU NWENNSU L-FAMILJI

Aqra wkoll

Ilni ħafna nitkellem dwar kemm dan il-Gvern kien utli matul iż-żmien iebes tal-pandemija. Fost il-ħażin kollu li kull pandemija ġġib magħha, kellna x-xorti li fit-tmun ta’ pajjiżna kellna u għad għandna lil Robert Abela. Politiku li jifhem eżatt il-weġgħat tan-nies, l-isfidi tan-negozji, taż-żgħażagħ, l-anzjani u l-familji. Iktar minn hekk imbagħad, dan huwa Prim Ministru li ma jiddejjaqx jieħu deċiżjonijiet u jeħodhom fl-aktar mument kruċjali li l-pajjiż ikollu bżonnu.

Din il-ġimgħa, il-Prim Ministru attenda għal żewġ laqgħat fi Brussell mal-Mexxejja Ewropej, fejn gew trattati diversi suġġetti fosthom il-pandemija. Hawnhekk setghet tigi analizzata l-qagħda internazzjonali u l-impatt li jista’ jkollha fuq pajjiżna. Aħna parti mid-dinja u l-impatt negattiv fuq pajjiżi oħra, bla dubju ta’ xejn li jaffettwa lilna wkoll, speċjalment f’dawk l-oqsma li niddependu mill-pajjiżi barranin. Eżempju ta’ dan huwa t-turiżmu. Ilkoll nafu li dan is-settur huwa wieħed mill-pulmuni tal-ekonomija ta’ Malta u jħaddem eluf ta’ Maltin. 

Fi kliem il-Prim Ministru stess, fuq livell internazzjonali hemm inċertezza fejn jidħol l-ivvjaġġar. Mhux kulħadd hu komdu li jippjana xi vaganza ġewwa pajjiżna, kif konna qabel il-Covid. Fil-preżent għandna kumpaniji li għandhom ħafna ordnijiet, imma hemm nuqqasijiet ta’ loġistika u diffikultajiet oħra. Għaldaqstant, bil-għan li n-negozji ma jitħallewx waħidhom u fl-istess ħin ma jkunux qed jintilfu impjiegi, il-Prim Ministru Robert Abela reġa’ għal darb’oħra ħa deċiżjoni għaqlija biex iwennes lill-ħaddiem u l’min iħaddmu. Din il-ġimgħa ħabbar li suppliment tal-paga kif inhu issa ser jiġu estiżi sal-aħħar ta’ Jannar 2022.

Din id-deċiżjoni setgħet tittieħed minħabba li fuq fronti oħra għaddejja ħidma oħra sabiex l-irkupru ta’ Malta jkun kemm jista’ jkun malajr. Filfatt, diġa qed nagħmlu passi ‘l quddiem u t-tbassir tal-esperti internazzjonali huwa pożittiv ħafna. 

Dan huwa mument kruċjali ħafna biex inżommu r-ritmu li qbadna. Irridu li x-xogħol kollu li għamilna bħala Gvern, jissarraf sa wara l-pandemija. Huwa veru li s-sitwazzjoni qed titwal u hija fluwida ħafna, però irridu nippriservaw dak li għamilna fl-aħħar xhur. Għaldaqstant il-Kabinett ħa d-deċiżjoni li nestendu l-Wage Supplement sal-aħħar ta’ Jannar tas-sena li ġejja. Imbagħad terġa’ ssir evalwazzjoni oħra biex naraw kif nistgħu nkomplu ngħinu fis-sitwazzjoni ta’ dakinhar. 

Dan huwa serħan il-moħħ għan-negozji u l-ħaddiema li jafu li m’humiex waħedhom. Anzi hemm Gvern pass qabilhom li qed jagħraf x’ser jiġri u jieħu d-deċiżjonijiet li jkun hemm bżonn. Fuq quddiem nett irridu nipproteġu l-impjiegi u naraw kif nibqgħu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familji.

F’dan il-mument huwa kruċjali li nsostnu lil dawk li jistgħu jkunu l-iktar affettwati. Nafu li bid-deċiżjoni li nintroduċu l-Wage Supplement, kellna mpatt pzittiv u fl- immedjat biex tajna appoġġ lin-negozji u fl-istess ħin jgħinu biex pajjiżna ma jesperjenzax il-qagħad li jgħolli rasu. Fil-fatt bħalissa minkejja li għadna ninsabu waqt il-pandemija, pajjiżna rreġistra l-inqas rata ta’ qgħad li qatt kellu. Għalhekk ser nerġgħu nestendu din l-iskema biex pajjiżna jibqa’ b’saħħtu u nħarsu ‘l quddiem lejn ġejjieni isbaħ meta nerġgħu niġu lura għan-normalità li mdorrijin biha qabel il-pandemija.

Irregolarizzat is-suq tal-kannabis

F’dawn l-aħħar ġimgħat, ilna ħafna nisimgħu dwar dan is-suġġett. Suġġett imqanqal u sensittiv ħafna li ġab miegħu opinjonijiet diversi. Jien ukoll spjegajt kif naħsibha jien dwar dan mill-punto di vista t’avukat u politiku. L-ewwel nett, m’għandux ikun hemm lok ta’ biża’ u allarm għax din il-liġi bl-ebda mod mhu qed tippromwovi l-użu tal-kannabis. Anzi, bil-maqlub. L-edukazzjoni holistika fuq il-livelli kollha ser tibqa’ b’saħħitha kontra l-użu tal-kannabis u kwalunkwe droga oħra. Fl-istess waqt irridu nirrikonoxxu li hija realtà li l-hemm min juża l-kannabis anke b’mod responsabbli. Propja hawnhekk, fejn il-liġi tidħol fis-seħħ biex ikollna l-mezzi neċessarji li nirregolaw is-suq u ssir distinzjoni bejn traffikar u min jagħmel użu responsabli personali.

Ma stajniex inħallu vakum fuq din il-ħaġa, għax kien hemm min qed jieħu vantaġġ minnha. Aħna ma nappoġġjawx lill-kriminali imma bil-maqlub. Irridu nirregolaw is-suq biex jitneħħa l-abbuż u nipproteġu lil min b’deċiżjoni tiegħu jagħmel użu mill-kannabis kif tippermetti l-liġi. 

Bħala avukat, rajt ħafna żgħażagħ, li f’dik l-età biex jesperimentaw ħadu sigarett u nqabbdu. Minn dak il-ħin l-hemm dawn kellhom jgħaddu minn trawma sħiħa għax skont il-liġi li kellna, dawn kienu jaqgħu ukoll taħt kriminali bil-konsegwenzi li ġġib magħha. Dawn kellhom jiġu arrestati u tiċċapsilhom il-fedina penali. Din ma kinitx sitwazzjoni ġusta u għalhekk dan il-Gvern ra biex illeġiżla din il-liġi sabiex dawn l-anomaliji jinqatgħu. 

Kien ikun faċli li kieku dan il-Gvern qagħad gallarija u m’għamel xejn. Konna mdorrijin qabel Gvern Laburista li dawk l-issues hekk diskretti bħala sensittivi nhħalluhom taħt it-tapit. Min qatt kien joħlom li hawn Malta nagħtu d-drittijiet lil persuni LGBTIQ? Fejn qatt konna nimmaġinaw li xi darba taħt Gvern Nazzjonalista, seta’ jkollna l-liġi tad-divorzju f’pajjiżna? 

Bl-istess argument tad-divorzju, tiftakru n-Nazzjonalisti bin-narattiva negattiva u tat-terrur. Kemm beżżgħu lill-poplu li qed ninkoraġixxu t-tkissir fil-familji tagħna. Illum għaddiet u qed titħaddem ukoll minn dawk li jiġu bżonnha. 

Aħna mhux qed nippromwovu l-użu tal-kannabis, anzi l-parir tagħna hu biex ħadd ma jeħodha. Minkejja dan, ir-realtà hija differenti u għalhekk illum għandna liġi li tipproteġi liż-żgħir li bl-għażla tiegħu ser ikun qiegħed jagħmel użu mill-kannabis u nuru sninna mat-traffikanti li kienu qed jabbużaw mis-sitwazzjoni.

Ekonomija

Sport