Wednesday, April 24, 2024

Niċċelebraw Team Malta – attività għal kulħadd li tiċċelebra l-isbaħ ġimgħa għall-isport Malti

Aqra wkoll

‘Niċċelebraw Team Malta’ hija attività li kulħadd huwa mistieden għaliha u li se ssir nhar l-Erbgħa 14 ta’ Ġunju 2023 fis-7:30pm fi Pjazza Kastilja, il-Belt. F’din l-attività mimlija spettaklu, il-familji huma mistiedna li jattendu u jsellmu lill-atleti li kienu parti mill-kontinġent Malti li pparteċipa fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa 2023.

Is-suċċess ta’ Malta f’dawn il-Logħob kien enormi fejn pajjiżna mhux biss kiseb l-aqwa riżultat li qatt kiseb f’dawn il-Logħob iżda fil-fatt rebaħ dawn il-Logħob hekk kif ikklassifika fl-ewwel post tal-klassifika tal-midalji minn fost disa’ pajjiżi. Dan wara li Malta kisbet 38 midalja tad-deheb, 30 midalja tal-fidda u 29 midalja tal-bronż. L-aqwa riżultat għal Malta qabel dawn il-Logħob kien fl-2003, inċidentalment meta pajjiżna ospita dawn il-Logħob għat-tieni darba. Dakinhar Malta ġiet fir-raba’ post u kisbet 44 midalja. Dan ifisser li fl-edizzjoni li għaddiet Malta kisbet aktar mid-doppju tal-midalji miksuba fit-tieni l-aħjar riżultat għal Malta fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar.

Huwa għalhekk li b’rabta mal-isbaħ ġimgħa għall-isport Malti, il-familji huma mistiedna li jattendu, jiltaqgħu mal-atleti u jassistu għal spettaklu mill-aqwa li se jerġa’ jfakkar l-isbaħ mumenti li kellna waqt dawn il-Logħob organizzati wkoll minn pajjiżna. Fil-fatt fuq palk li se jintrama fi Pjazza Kastilja se jkun hemm spettaklu mtella’ minn Amber, Aidan u live band. Iż-żewġ kantanti interpretaw il-kanzunetta uffiċjali ta’ dawn il-Logħob, ‘Shine Your Light’. Magħhom fuq il-palk se jingħaqdu d-DJs Ziggy u David filwaqt li mhux se jonqos logħob tan-nar u projezzjonijiet sbieħ fil-pjazza.

L-isport f’pajjiżna wera għaqda mill-isbaħ wara Team Malta u l-attività ‘Niċċelebraw Team Malta’ għandha tkun opportunità oħra biex inkomplu nagħtu l-appoġġ lill-atleti Maltin u Għawdxin biex ir-riżultat tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar iservi ta’ tarġa oħra fejn ikompli jinkiseb iżjed suċċess għall-isport Malti.

Sport