Settur li qed ikompli jiżviluppa f’pajjiżna huwa dak tal-videogames u l-esports. Dan hekk kif minn sena għall-oħra l-interess f’dan is-settur qiegħed kulma jmur jikber, b’pajjiżna jirnexxielu jattira kumpaniji kbar diġà stabbiliti internazzjonalment f’dan il-qasam.
Kien proprju erba’ snin ilu meta l-Gvern nieda l-istrateġija għal dan is-settur u llum, ħames snin wara, Malta rnexxielha tiġbed lejha ismijiet bħal Dorado Games, Narc, Exient, Keyword Studios u ESL fost oħrajn.
Fil-kuntest ta’ dan kollu, ninnutaw kif diġà hawn mal-250 persuna li qed jaħdmu fis-settur tal-videogames, bil-mira ta’ dan il-Gvern hi li dan is-settur jikkontribwixxi sa 1% tal-Prodott Gross Domestiku sas-sena 2028. Dan minbarra li l-Gvern qed jinċentiva bil-qawwi dan il-qasam, dan l-aħħar tħabbar li ntlaħaq ftehim mal-ESL Pro League Season fir-rigward tal-esports, sabiex il-finali ssir proprju f’Malta.
B’hekk sirna ċentru importanti għal din l-industrija tat-teknoloġija.
Għandna għax nifhmu li l-Gvern qiegħed iħares lil hinn minn hekk. Nifhmu li qed jara l-potenzjal ukoll ta’ taħriġ anke f’dawn l-oqsma. Proprju lbieraħ infetħet uffiċjalment l-expo dwar il-videogames u l-esports, il-Playcon, fejn diversi kumpaniji qegħdin joffru esperjenzi ta’ tagħlim, kompetizzjonijiet u divertiment taħt saqaf wieħed.
Dan kollu joffri l-opportunità lin-nies, speċjalment lill-istudenti, sabiex mill-viċin jesploraw it-tipi differenti ta’ karrieri li dawn l-oqsma joffru. Għalhekk nemmnu li l-oqsma tal-videogames u l-esports huma żewġ niċeċ ekonomiċi ġodda li diġa’ qed jagħmlu suċċess u jħallu frott fl-ekonomija tal-pajjiż.
B’aktar investiment f’dan is-settur mhux biss jinħolqu impjiiegi ta’ kwalita, imma wkoll ikomplu jpoġġu lil Malta fuq il-mappa bħala hub għall-innovazzjonijiet teknoloġiċi u diġitali li qed jiżviluppaw b’pass mgħaġġel ħafna.
Dan is-suċċess ma jistax iseħħ jekk ma jkunx hemm regolamentazzjoni tal-qasam tal-gaming mill-Awtorita responsabbli. Għalhekk, nemmnu li dan il-qafas regolatorju, kif dikjarat fil-Budget 2024, għandu jservi biex jiġi assigurat li dan jibqa’ rilevanti biex jilqa’ l-isfidi ta’ din l-industrija dinamika filwaqt li pajjiżna jibqa’ kkunsidrat bħala ġurisdizzjoni ewlenija f’dan il-qasam.