Friday, April 19, 2024

NIEĦDU ĦSIEB L-ANZJANI TAGĦNA

Aqra wkoll

L-anzjani huma komponent importanti mis-soċjetà Maltija speċjalment meta wieħed iżomm f’moħħu li filwaqt li l-popolazzjoni anzjana qiegħda dejjem tikber, hija fost il-gruppi l-aktar vulnerabbli f’Malta. Dan ħareġ ċar tul il-pandemija fejn l-anzjani kienu fost dawk li l-aktar li batew kemm fiżikament kif ukoll mentalment. Numru kbir minnhom sfaw maqfula fi djarhom jew ġewwa r-residenzi, mċaħħda minn qrabathom u minn dawk l-aktar għeżież għalihom. Sfortunatament il-parti l-kbira ta’ dawk fostna li tilfu ħajjithom kaġun tal-pandemija kienu anzjani. 

Minkejja dan kollu, dawn ix-xhur kienu propju l-perjodu fejn ħarġu l-aħjar kwalitajiet tal-anzjani tagħna. Kwalitajiet li sawruna bħala nazzjon. Kwalitajiet bħal perseveranza, determinazzjoni u reżiljienza li kienu kruċjali fil-ġlieda kontra avversarju, l-COVID-19 li ħadd ma kien ippreparat għalih.

Dawn il-kwalitajiet, kelli l-privileġġ li nesperjenzahom kuljum matul il-home visits. Kwalitajiet li jsaħħu d-determinazzjoni tiegħi biex inkompli nisma’, nifhem u ngħinhom kif illi nagħmel tul il-vjaġġ politiku tiegħi permezz ta’ inizjattivi mmirati biex jgħinu u jtejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom. Kien għalhekk li tul dawn l-aħħar snin ħdimt fuq inizjattivi mmirati biex jgħinu l-integrazzjoni soċjali u diġitali tagħhom fosthom il-kunċett ta’ iċ-ċittadin.

Il-Malti jgħid: “kliem ix-xiħ żomm fih.” Tassew, l-anzjan jipposjedi l-għerf u l-esperjenza vitali għal pajjiżna. Huwa kritiku li l-legat tagħhom jgħaddi għand iż-żgħażagħ tagħna. Qatt mhu tard biex nassiguraw li l-interess u l-għerf tal-anzjani jiġu mħarsa. Kien għalhekk li fis-snin li għaddew introduċejt inizjattivi bħall-“e-Anzjan”, “LEARN IT” u “Tablet by the Bed”. Kien għalhekk ukoll li riċentament introduċejt il-proġett tal-eME. L-eME huwa mmirat biex jien nagħti s-sehem tiegħi fit-tielet distrett permezz ta’ taħrig b’xejn għall-anzjani, adulti, żgħażagħ u tfal ġewwa ċ-ċentru taż-Żejtun. Fil-ġimgħat li ġejjin se nħabbar numru ta’ inizjattivi u proġetti ġodda għall-anzjani tagħna. 

L-impenn tiegħi lejn l-anzjani jimxi pari passu ma’ dak tal-gvern. Tassew l-anzjani kienu, għadhom u jibqgħu fiċ-ċentru tal-politika tal-gvern. Tassew dan huwa gvern kommess lejn l-anzjani bil-fatti. Dan huwa gvern li b’mod konkret iggarantixxa pensjonijiet adegwati, servizzi fil-komunità u residenzi tal-ogħla kwalità. Fil-budget 2022, il-gvern ġedded l-impenn tiegħu b’aktar ħidma fejjieda favurhom b’rikonoxximent tal-ħidma li taw matul ħajjithom li wasslet biex pajjiżna jilħaq livell għoli ta’ għixien u kwalità ta’ ħajja ta’ livell Ewropew. Dan huwa rifless fil-bosta miżuri mħabbra mill-gvern fid-diskors tal-baġit. Miżuri li se jiswew lill-gvern €24 miljun.

Permezz tal-miżuri mħabbra, 95,000 pensjonant tal-irtirar, tar-romol, tal-invalidità u dawk li jirċievu l-pensjoni mhux kontributorja tal-età ser jibbenefikaw minn żieda ta’ €260 fis-sena jew €5 fil-ġimgħa li minnhom. Se jogħla ukoll il-massimu ta’ dħul minn pensjonijiet għal €14,318 biex iż-żidiet fil-pensjonijiet ma jkunux intaxxati. Se jsir ukoll aġġustament fil-pensjoni tar-romol –  12,000 pensjonant se jara żieda massima ta’ €5 fil-ġimgħa b’nefqa totali ta’ €3.3 miljuni. 

Fost il-miżuri mħabbra, ta’ min wieħed isemmi li se tiżdied b’€200 l-ammont ta’ pensjoni tas-servizz li jiġi injorat fl-assessjar tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali. Is-somma eżentata s-sena d-dieħla ser titla’ għal €3,066. Dawk il-pensjonanti tas-servizz li għandhom aktar minn 72 sena jew li matul is-sena jagħlqu 72 sena ser igawdu minn aktar titjib fil-pensjoni tas-sigurtà soċjali.

Il-bonus għall-għoli tal-ħajja ser jibda jitħallas sħiħ lill-pensjonanti kollha li rtiraw wara l-2008. Ser ikun hemm żieda ta’ €150 fil-bonus annwali għal persuni li laħqu l-età tal-irtirar iżda ma jikkwalifikawx għall-pensjoni għax ma kellhomx biżżejjed kontribuzzjonijiet.

Tħabbar ukoll li se jiżdiedu b’€50 l-għotja għall-anzjani li għadhom jgħixu fil-komunità jew f’dar tal-anzjani privata għal dawk l-anzjani fl-età ta’ 80 sena jew aktar, biex din tiżdied għal €400 fis-sena. Madwar 21,000 anzjan ser jibbenefikaw minn din iż-żieda bi spiża ta’ €1 miljun.

Dan huwa Gvern Laburista; gvern li għandu għal qalbu l-anzjan. Gvern li jitkellem bil-fatti, b’inizjattivi mmirati u konkreti. Il-Partit Laburista, il-partit li miegħu qed nimxi l-vjaġġ politiku tiegħi. Il-partit li miegħu nista’ nilħaq il-ħolma tiegħi għal din il-faxxa tant importanti tas-soċjetà Maltija. Il-partit li permezz tiegħu nista’ nkompli ngħin lill-anzjani. Il-Partit Laburista, l-unika alternattiva fl-elezzjoni li jmiss.

Ray Abela – Kandidat tal-PL fuq l-1 u t-3 distrett

Sport