Tuesday, May 14, 2024

“Nieħu gost nara wiċċ it-tfal jinbidel bil-ferħ”… Il-kampanja “Rigal b’Imħabba” terġa’ tkun suċċess

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Is-solidarjetà u l-qalb ġeneruża tal-Maltin reġgħu spikkaw waqt il-kampanja “Rigal b’Imħabba” li permezz tagħha se jiġu mferrħa tfal Maltin u Għawdxin f’dan il-perjodu sabiħ tas-sena.

Fi Pjazza Kastilja ntremgħet siġra kbira li taħtha tpoġġew għadd ta’ rigali biex ikunu jistgħu jingħataw lil dawn it-tfal. Matul il-jum tal-lum, nies ipoġġu r-rigali ma qatgħu xejn tant li baqgħu jagħmlu dan sa tard waranofsinhar.

Dan is-sit kien fuq il-post u ħa l-kummenti ta’ wħud li marru biex ipoġġu r-rigali tagħhom. Fost dawn kien hemm is-Sindku taż-Żurrieq Rita Grima li qaltilna li bħala Kunsill appoġġjaw bis-sħiħ din l-inizjattiva.

Qalet li fl-aħħar jiem kienu tefgħu post fuq il-paġna tagħhom ta’ Facebook biex dawk ir-residenti tal-lokalità li jixtiequ jagħtu rigal għat-tfal fil-bżonn u ma jistgħux jagħmlu dan personalment, iħallu r-rigali fl-Uffiċċju tal-Kunsill u mbagħad huma jpoġġuhom taħt is-siġra tal-Milied, kif fil-fatt għamlu llum. Hija rringrazzjat liż-Żrieraq ta’ dawn ir-rigali li ċertament se jnisslu ferħ fost it-tfal.

Raġel ieħor li tkellem magħna qalilna li f’dan iż-żmien meta jagħti r-rigali lin-neputijiet wiċċhom jinbidel u jimtela’ bil-ferħ u għalhekk xtaq li jferraħ ukoll lil ħaddieħor. Huwa appella biex kemm jista’ jkun ngħinu lil kulħadd fil-ħajja tagħna, mhux biss liż-żgħar imma anke lill-kbar.

Din l-inizjattiva saret minn mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, u fiha ħadu sehem ukoll il-Forzi Dixxiplinati fosthom il-Pulizija, l-Uffiċjali Korrettivi, il-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u anke Uffiċjali tal-LESA fost oħrajn.

Sport