Saturday, December 21, 2024

Nifhmu l-fatturi li jistgħu jwasslu għas-suwiċidji

Jikteb MARIO FAVA

Aqra wkoll

Suwiċidju mhuwiex inevitabbli, anzi, f’ħafna każi huwa prevedibbli.

Li nindirizzaw l-istigma u li nħarsu lejn il-kumplessività u l-kombinazzjonijiet tal-fatturi li jistgħu jwasslu għal dan ir-riskju, huwa kruċjali biex jiddaħħlu miżuri u fatturi protettivi u strateġiji li jindirizzaw nies li r-riċerka turi li huma f’riskju.

Statistika

Ġewwa r-Renju Unit, imutu minn suwiċidju medja ta’ 115-il persuna kull ġimgħa. Wieħed minn ħames persuni fir-Renju Unit, jiġihom ħsieb li jwettqu suwiċidju. Huma wieħed minn kull 20 li effettivament jippruvaw jagħmlu suwiċidju. Ironikament, b’mod globali, tmut persuna kull 40 sekonda b’suwiċidju. Dan huwa minn kemm imutu kull sena nies bi gwerra jew b’omiċidju.

X’inhi l-kawża ta’ dan?

Ħafna minna, wieħed minn kull ħames persuni, jaħbu jew jiġi f’rashom il-ħsieb li jwettqu suwiċidju. Madankollu, riċerka turi li dawn jistgħu jiġu evitati. L-ambjent li persuna jkun fih meta jiġuh ħsibijiet simili, ivarja bejn id-dar, il-post tax-xogħol, fil-komunità. Meta hemm ambjent fil-familja, fuq il-post tax-xogħol jew fil-komunità, flimkien imbagħad ma’ esperjenzi, emozzjonijiet, u sitwazzjonijiet negattivi, l-uġigħ ta’ dan iwassal biex persuna taħseb li l-mewt hija l-unika ħaġa li tista’ twaqqaf l-uġigħ u t-tbatija kollha.

Minkejja dan, m’għandniex nispekulaw fuq l-istat emozzjonali ta’ persuni simili jew inkella nissottovalutaw iċ-ċirkostanzi li jistgħu jwasslu għal dan. Żgur li kulħadd jaf, lil xi ħadd jew għax ħbieb jew għax familjari tal-ħbieb tagħhom, għaddew minn esperjenza tant qarsa. Ma rridux lanqas niġġudikaw lil persuna jew familjari.

Għax ma rridux nagħmlu l-iżball li nkunu preġudikati illi huma dawk biss ta’ bla edukazzjoni, dawk biss ta’ dħul baxx, dawk biss li jgħixu waħedhom huma suxxettibli li jkollhom din it-tentazzjoni. Iva, dan jgħin u r-riċerka turi li anqas ma jkollok aċċess għal ħbieb, familja, xogħol adegwat, nies li jħobbuk etċ. għandek ċans ikbar li tasal hawn. Imma dan ma jeskludix lill-oħrajn. Għax kulħadd jista’ jkollu kundizzjoni ta’ dipressjoni jew ansjetà u mhux il-moħħ ta’ kulħadd jista’ jerfa’ l-istess piż.

Riskji li jistgħu jiġu antiċipati

Bħal kull haga ohra, mhux kull esperjenza tiġi affettwata bl-istess mod meta tiffaċċja ċertu esperjenzi. Mhux kulħadd jirreaġixxi bl-istess mod quddiem ċertu sitwazzjonijiet. Hemm sitwazzjonijiet personali, soċjali, fil-komunità u dawk f’relazzjonijiet. X’ inhuma dawn il-riskji differenti li kultant nistgħu niġu konoxxenti tagħhom qabel ikun tard wisq?

(i) Riskji personali
Attentati preċedent ta’ suwiċidju
Storja ta’ dipressjoni jew kundizzjoni mentali
Mard jew uġigħ kroniku
Problemi legali jew kriminali
Problemi finanzajrji jew fuq ix-xogħol
Burdati instabbli
Użu minn xi sustanza lleċita jew alkoħol
Esperjenzi passati ta’ tfulija negattivi
Vittimizzazzjoni u użu ta’ vjolenza
Telf ta’ tama fil-futur

(i) Riskji Soċjali
Stigma assoċjata ma’ min ifittex il-kura għas-saħħa mentali
Aċċess faċli għal mezzi biex tikkommetti suwiċidju
Rappurtaġġ ħażin fil-midja fuq is-suwiċidju jew in-nuqqas tiegħu

(i) Riskji fil-Komunità
Nuqqas ta’ aċċess għall-kura u għajnuna
Vjolenza fil-komunità
Trawma storika fil-komunità
Diskriminazzjoni
Falliment fl-aġġustament tal-kultura
Esklużjoni

(i) Riskji f’relazzjonijiet
Bullying
Telf ta’ familjari għeżież bħal genituri jew tfal
Tkissir f’relazzjoni matrimonjali
Vjolenza f’relazzjoni
Iżolament soċjali jew familjari
Esperjenza suwiċidali fil-familja
Tkissir fir-rapport ta’ komunikazzjoni ma’ tfal jew ġenituri jew għeżież oħra

Perċezzjonijiet

Hemm imbagħad ħafna perċezzjonijiet li huma żbaljati. Perċezzjonijiet li forsi sforz ‘l-injoranza’ fis-suġġett, ikunu ġejjin minn dawk li ġenwinament ma jkunx jafu aħjar.

Ġieli tisma’ min jgħid li jekk ikollok tistaqsi lil xi ħadd jekk huwiex suwiċidali, se ttih l-idea int biex iwettaq suwiċidju. Dan mhux minnu, Fil-fatt, meta tistaqsi lil xi ħadd hux suwiċidjali minħabba ċertu attitudnijiet, aktarx tkun qed tgħinu biex jiġi f’sensih jifhem li hemm min jimpurtah minnu.

Perċezzjoni oħra hija li meta persuna titkellem li se tagħmel suwicidju, tkun qed tagħmel hekk biex tiġbed l-attenzjoni. Jew inkella li jekk persuna serjament qed taħsibha li tagħmel suwicidju mela m’hemm xejn x’tagħmel għaliex id-deċiżjoni diġà ttieħdet. Drabi oħra tisma’ min jgħid li huwa impossibli li tinduna li persuna tkun qed tibgħat ċertu messaġġi li se tagħmel dan. Forsi wkoll ġieli smajna min jgħid li min iwettaq suwiċidju għax huwa egoist u għax ħaseb fih innifsu bla ma ħaseb f’min ħalla jew se jħalli warajh. Jew inkella li min ikun ħaseb li jneħħi ruħu b’idejh, dan se jibqa’ hekk għal dejjem u m’hemmx kura.

Dan kollu mhu minnu xejn. Li nitkellmu fuq is-suwiċidju ma jfissirx li qed ninkoraġġixu lil min qed jisma’ biex jagħmel dan meta jew jekk isib ruħu mal-hajt. Anzi, aktar ma nitkellmu fuq is-suġġett, aktar inkunu qed inneħħu l-istigma fuq min jirexxilu jitkellem ma’ xi hadd u jfittex l-għajnuna. Huwa ħafna aktar faċli li tistaqsi milli tħalli kollox għaddej għax taħseb li dik il-persuna partikolari qatt mhu se tasal biex taħseb hekk. Persuna li tkun f’dan l-istat ta’ ħsieb, jekk se ssib min jitkellem magħha u jistaqsiha jistax jgħin, din se tinduna li hemm min jinteressah u jimpurtaha minnha. Dan ikattar iċ-ċans li din tifhem li hemm l-għajnuna u li l-għajnuna hija waħda aċċessibli u faċli li tiksibha.

Sinjali ta’ twissija

Kull wieħed u waħda minna għandu obbligu li joqgħod attent u jgħin u jassisti, jew jirreferi persuni li jkunu sabu ruħhom f’din is-sitwazzjoni. Il-Persuni li jkollhom dawn il-ħsibijiet, aktarx, f’aktar minn okkażjoni waħda, se juru sinjali li jinsabu weħidhom, li qed iħossuhom iżolati u esklużi, anki minn diskussjonijiet sempliċi. F’ċertu stanzi, l-attentat ikun wieħed premeditat u dan ukoll jagħmilha possibbli biex persuna viċin tal-vittma, jinduna li hemm bdil fl-atteġġjament jew drawwiet tal-persuna.

Kultant anki kelma żejda li nistgħu ngħidu tista’ tkun kaġun ta’ dan għaliex ma nkunux nafu f’liema livell ta’ stress jew ansjetà l-persuna l-oħra tkun tinsab. Għaldaqstant irridu nkunu għaqlin fil-kliem li nużaw, fit-ton ta’ leħinna u fl-approċċ li naddottaw.

Mhux biss ir-ricekra turi dan imma jien konvint ukoll, li meta nagħtu każ dak li qed jiġri madwarna u dak li jkunu għaddejjin minnu l-għeżież tagħna, iċ-ċans li nintebħu minn qabel ikun tard wisq huwa kbir.

Forsi jkun għaqli li kultant nieqfu mill-ħajja ta’ ferneżija li ninsabu fiha u nħallu aktar ċans biex nisimgħu lil xulxin, biex nistaqsi persuna kif inhu u ma nieħdu xejn forgranted. Għax jekk nieħdu ħsieb xulxin u l-ħajja li ngħixu, ċertament li l-ħajja titrattana lkoll aħjar.

Ekonomija

Sport