Thursday, December 26, 2024

“Niftakar lil missieri jgħidli li dak il-jum kellu jwitti t-triq għall-ħelsien”

- l-eks Ministru Laburista Reno Calleja dwar l-istrajk ġenerali ordnat mill-GWU tat-28 ta’ April 1958

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Bħal-lum 64 sena ilu, il-General Workers’ Union kienet ordnat strajk ġenerali wara li ġimgħa qabel il-Gvern ta’ Duminku Mintoff kien irriżenja, peress li l-Ingliżi bdew jagħtu s-sensji minn mas-servizzi Ingliżi.

Għall-ewwel darba, il-ħaddiema organizzaw ruħhom fl-akbar unjin tal-pajjiż u taw sinjal li ma kinux lesti jaċċettaw min jilgħab mad-destin u mal-għajxien tagħhom. Fl-istess waqt, dan l-istrajk kien mument ta’ prova għall-GWU peress li bħala unjin kienet għadha fiż-żogħżija tagħha. 

Dakinhar tal-istrajk, il-ħaddiema niżlu fit-toroq, mhux biss biex jiġġieldu għad-dritt tax-xogħol, iżda wkoll għall-ħelsien ta’ pajjiżhom. L-Ingliżi bdew jheddu li jagħtu s-sensji lill-impjegati ta’ mas-servizzi u li jagħlqu t-Tarzna li kienet tħaddem iżjed minn 12,000 persuna.  

Ir-riżoluzzjoni tal-GWU, li kienet għaddiet mill-Kunsill Nazzjonali u li permezz tagħha l-ħaddiema ssejħu għal jum ta’ strajk ġenerali u jum ta’ protesta kienet tgħid hekk: “il-kriżi ġiet preċipitata mill-Gvern Brittanniku li bħal żminijiet oħra fl-imgħoddi ma għarafx jonora l-obbligi tiegħu lejn il-poplu Malti.” 

F’dan l-istrajk, ħafna ħaddiema u uffiċjali ġew arrestati u saħansitra wħud minnhom intefgħu l-ħabs. Filwaqt li hawn min jgħid li t-28 ta’ April 1958 kienet ġurnata sewda għal Malta, mhux l-istess kienet għall-ħaddiema u l-GWU għax dik il-ġurnata kienet is-saħħa li wera l-ħaddiem u kienet il-bidu tal-ħelsien mill-ktajjen tal-barrani. 

Dan is-sit tkellem mal-eks Ministru Laburista Reno Calleja, li qasam magħna l-esperjenzi tiegħu ta’ din il-ġrajja storika. Huwa qalilna li meta seħħew l-irvellijiet huwa kellu biss 14-il sena, iżda jiftakar lil missieru, li kien jaħdem fl-armata, jasal lura d-dar u jgħidlu “llum bdejna t-triq għall-ħelsien.”

Calleja żied jgħid li “minn dak il-ħin daħal fija velu qaddis li niġġieled għall-pajjiżi. Inħoss li dak l-avveniment kellu impatt storiku għaliex il-Partit Laburista kien iġġieled fuq l-għajta ‘Jew bħalkom, jew mingħajrkom.’ Aħna għażilna t-triq tal-ħelsien. Dak il-jum għandu sinjfikat importantissimu fl-istorja ta’ Malta għax minn hemm tajna messaġġ lill-Ingliżi li aħna ma ridniex ngħixu aktar magħhom u minn hemm bdiet il-ġlieda għall-indipendenza.”

“Jiena kelli x-xorti li kont nittajpja l-ittri tal-Perit Mintoff lill-mexxejja barranin u għad għandi xi kopji biex iqanqal kuxjenza favur Malta ħielsa,” tenna Reno Calleja. “Minn dakinhar ‘l hawn aħna tlaqna fit-triq għall-ħelsien.” 

Biex jitfakkar dan l-istrajk u l-aktar lil dawk kollha li ġew arrestati u ntbagħtu l-ħabs, il-GWU fl-2015 inawgurat mafkar fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid, wieħed mill-postjiet fejn kienu saru l-irvellijiet. Il-GWU, bħall-Partit Laburista, tfakkar dan il-ġrajja storika b’ċerimonja biswit il-mafkar li kien inawgurat fl-2015 f’Raħal Ġdid. 

Ekonomija

Sport