Friday, May 17, 2024

Tennis: Novak Djokovic se jiddefendi t-titlu f’Wimbledon

Aqra wkoll

Novak Djokovic jista’ jiddefendi t-titlu tiegħu ta’ Wimbledon wara li l-organizzaturi qalu li l-players li mhumiex imlaqqma kontra l-Covid-19 se jitħallew jikkompetu.

In-numru wieħed tad-dinja, is-Serb ta’ 34 sena, ma tħalliex jilgħab fl-Australian Open f’Jannar wara kwistjoni li kienet iċċentrata madwaru għax ma kienx imlaqqam.

“Ir-rekwiżit stabbilit mill-gvern biex wieħed jidħol fir-Renju Unit ma tinkludix tilqim obbligatorju,” qalet il-kap eżekuttiv tal-All England Lawn Tennis Club, Sally Bolton, f’konfe­renza tal-aħbarijiet.

“Għalhekk, filwaqt li ovvjament hija mħeġġa, mhix kundizzjoni tad- dħul.”

Wara s-saga ta’ profil għoli madwar l-Austra­lian Open, li spiċċat billi ġie deportat minħabba l-istatus tiegħu tal-Covid, Djokovic imbagħad tilef tournaments oħra fosthom l-Indian Wells u Miami minħabba r-regoli tal-coronavirus għad-dħul fl-Istati Uniti.

Matul dak il-perjodu huwa tilef ukoll il-post numru wieħed tad-dinja kontra r-Russu, Daniil Medvedev, iżda minn dakinhar reġa’ kisbu lura meta ħa sehem f’tournaments b’ħafna pajjiżi jirrilassaw ir-rekwiżiti tad-dħul tagħhom rigward it-tilqim.

Fi tmiem il-ġimgħa Djokovic wasal sal-ew­wel finali tiegħu tas-sena, meta tilef kontra r-Russu, Andrey Rublev, fis-Serbia Open f’Belgrad.

Djokovic, li rebaħ 20 titlu tal-Grand Slam, fi Frar qal li jippreferi jitlef trofej futuri tat-tennis milli jkun sfurzat jieħu vaċċin tal-Covid.

Wimbledon se jibda fis-27 ta’ Ġunju u jintemm fl-10 ta’ Lulju.

Sport