Sunday, December 22, 2024

Niftakru f’dawk li qed ibatu s-solitudni

Josianne Cutajar
Josianne Cutajar
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

L-aħħar miżuri mħabbra biex inkomplu nikkumbattu l-pandemija ittieħdu b’mod xjentifiku u b’impenn biex saħħitna tkun imħarsa. F’dawn iż-żminijiet, u propju llum fil-Ġimgħa l-Kbira, l-appell u l-ħsieb tiegħi huwa wieħed; ejja ma ninsewx lil dawk waħedhom, u dawk li qed ibatu s-solitudni.

Ħa nħalli ftit dan il-punt, u nagħmel parentesi.

Malta, bħall-kumplament tad-dinja, qed tara li b’miżuri li jiddaħħlu nkomplu nersqu dejjem aktar lejn l-irkupru mill-pandemija. Anki pajjiżna kien minn ta’ quddiem li għen bil-kbir lis-setturi kollha, speċjalment dawk li l-aktar li ntlaqtu f’dawn iż-żminijiet.

Lil hinn minn dan, nisħaq li l-aspett soċjali jrid ikun parti integrali mill-irkupru mill-pandemija u għall-qalbiet li rridu nagħmlu fil-qasam ambjentali u anke teknoloġiku. Irridu naraw li ma nħallu lill ħadd fil-ġenb. U dan kollu hu fil-qofol tal-ħidma tiegħi.

Fuq livell Ewropew qed ninbotta għall-importanza li neliminaw il-faqar fl-enerġija, dak li nsejħulu ‘energy poverty’. Il-miri ambjentali huma essenzjali imma jeħtieġ li naraw li nindirizzaw din ir-realtà kiefra wkoll. Realtà li rridu nifhmu sew. 

F’Ottubru li għadda l-Kummissjoni Ewropea ppubblikat rakkomandazzjoni dwar dan is-suġġett. Hija ferm inkwetanti li tkun taf li madwar 30 miljun Ewropew ibatu biex ilaħħqu mal-kontijiet tal-enerġija tagħhom.

Fil-Ħarifa li għaddiet il-Kummissjoni Ewropea kienet ippubblikat l-istrateġija tagħha li għandha l-għan, fost affarijiet oħra, li tindirizza l-faqar f’dan is-settur apparti l-aċċess għal akkomodazzjoni denja anki għall-persuni b’diżabilità u għall-anzjani. Hawnhekk ukoll għaddejja b’ħidma intensiva bħala Membru Parlamentari Ewropew. Qed nara kif, b’mod konkret, dik li hija ir-‘Revision of the energy performance of Buildings Directive’ tindirizza l-kwistjoni tal-faqar fl-enerġija.

Punt ieħor: Biex nifhmu u naslu għal irkupru b’mod ħolistiku, irridu nżommu f’moħħna kif matul l-aħħar xhur ġew affettwati u ntlaqtu uħud mill-aktar membri vulnerabbli tas-soċjetà Maltija u Għawdxija. Irridu naħsbu f’persuni li kienu diġà jsofru qabel minn problemi ta’ saħħa mentali u nifhmu x’inhu l-impatt tal-ansjetà addizzjonali li ġabet magħha l-pandemija. Hemm persuni oħra li bil-pandemija spiċċaw f’solitudni – esperjenza ġdida li tista’ tkun trawmatika.

Fil-ġimgħat u x-xhur li għaddew, permezz ta’ telefonati li għamilt, smajt bosta esperjenzi ta’ nies li spiċċaw waħedhom bejn l-erbgħa ħitan ta’ darhom, bil-maġġoranza tagħhom anzjani. Smajt x-xewqa tagħhom li nerġgħu mmorru lura għal-liberta’ ta’ qabel, ix-xewqa li jerġgħu jaraw lin-neputijiet u qraba tagħhom mingħajr inkwiet u f’xi sitwazzjonijiet ix-xewqa li jirċievu dik it-telefonata li sservi ta’ wens għalihom.

Dawn huma esperjenzi li jġiegħluni naħseb kemm irridu nkomplu naħdmu biex lil dawk li qed jesperjenzaw is-solitudni ntaffulhom ftit mit-tbatija li qed iġorru waħedhom. 

Hawnhekk ninnota wkoll il-ħidma tal-Gvern Malti biex jiffaċilita l-interazzjoni soċjali u jipprevjeni kemm jista’ jkun l-iżolament fost l-anzjani. Kif tħabbar fil-jiem li għaddew, id-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità għadu kif laħaq ftehim ma’ Willingness Hub, li hija kumpanija magħmula minn tim multidixxiplinarju ta’ professjonisti, biex jinbeda programm ta’ taħriġ dwar it-teknoloġija tal-informatika u s-saħħa mentali għall-anzjani. Inizjattiva importanti maħsuba biex ittaffi s-solitudni li qed jesperjenzaw l-anzjani tagħna u li hi ta’ min ifaħħarha.

Madwar xahar ilu kelli l-opportunita’ li nżur Dar Emmaus, kif ukoll il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali f’Għawdex, fejn rajt mill-qrib il-ħidma li jwettqu ta’ kuljum ma’ dawk fil-bżonn. Ħidma li żdiedet u qed tittratta l-problemi ġodda li ġabet magħha l-pandemija. F’sitwazzjonijiet bħal dawn ma nistax ma nsemmix li allaħares ma jkollokx ħaddiema dedikati li ta’ kuljum iħabbtu wiċċhom ma’ każijiet xejn sbieħ. 

Ma rridux ninsew lanqas lil dawk li dan iż-żmien ikkawżalhom ukoll aktar problemi u mard ta’ saħħa mentali. Intant f’laqgħa interessanti li kelli mal-Assoċjazzjoni Għawdxija għas-Saħħa Mentali tkellimna dwar l-importanza ta’ aktar kuxjenza u għarfien dwar problemi diversi ta’ saħħa mentali, inkluz fejn jidħlu każijiet ta’ ‘post natal depression’ li qed jiżdiedu.

Nafu wkoll li l-pjaga tal-vjolenza domestika għadha fostna, anzi żdiedet matul il-pandemija, u għadha qed tħalli feriti kbar fost vittmi li spiss ma nkunux nafu bihom, b’li għaddejjin minnu, jew saħansitra li m’għandhomx l-għarfien jew aċċess biex jirrikorru għal servizzi ta’ appoġġ. Hemm uħud li jingħalqu fihom infushom – solitudni oħra – sempliċiment minħabba mistħija li jirrakkuntaw dak li jkunu għaddejjin minnu.

Aħna u nfasslu l-politika soċjali tagħna għaż-żmien li ġej, ejja naħsbu dwar l-impatt fit-tul ta’ dawn il-forom varji ta’ solitudni u ansjetà.

Nagħlaq billi minn qalbi nirringrazzja lil dawk kollha li qegħdin fuq quddiemnett biex jgħinu fil-kontroll tal-imxija imma wkoll lil dawk kollha li jaħdmu fil-qasam soċjali u li jagħtu lilhom infushom biex jgħinu lil dawk kollha li bħalissa qed isofru minn solitudni. Intenni li se inkompli naħdem bis-sħiħ biex ikollna l-irkupru soċjali meħtieġ. 

Aqra aktar fuq www.socialistsanddemocrats.eu/ u www.josiannecutajar.com

Ekonomija

Sport