Thursday, April 18, 2024

Tfakkira

Josianne Cutajar
Josianne Cutajar
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Bla dubju li d-dibattitu dwar Malta fil-Parlament Ewropew din il-ġimgħa kien u għadu fuq fomm kulħadd, ġustament. Dan kien, wara kollox, dibattitu li sa xahar ieħor mistenni jsarraf f’riżoluzzjoni oħra dwar Malta.

Fl-intervent tiegħi fid-dibattitu ta’ din il-ġimgħa, staqsejt x’sens kien jagħmel dan kollu meta fl-istess ħin, Malta għaddejja minn proċeduri ġudizzjarji fil-qrati tagħna, qed jinstemgħu testimonjanzi kruċjali u għaddejjin inkjesti varji b’kunsens sod li jissolvew każijiet maġġuri.

Fakkart ukoll fl-isforzi li saru wara riżulozzjoni ta’ sena ilu, li l-Kummissjoni Ewropea u l-Kummissjoni Venezja stess laqgħu, iżda jidher li mhux qed jiġu rikonoxxuti minn xi uħud. Interessanti wieħed jinnota min huma dawn l-uħud. Ma nistgħux ngħidu li kienet il-Viċi-President tal-Kummissjoni, Věra Jourová, għaliex ftakkritna lkoll li l-aħħar rapport dwar is-Saltna tad-Dritt f’Malta kien laqgħa r-riformi sinjifikanti li saru fl-aħħar sena fil-ġustizzja. Smajniha tfakkar kif l-awtoritajiet f’pajjiżna wettqu riformi biex jindirizzaw nuqqasijiet passati fejn tidħol il-korruzzjoni, is-seperarazzjonijiet tal-poteri, kemm is-sistema ġudizzjarja saret indipendenti, u kif dawn filfatt saru abbażi ta’ rakkomdazzjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea u l-Kummissjoni Venezja. Kollha smajniha tgħid ukoll li dan kollu juri li s-sistema tal-prosekuzzjonijiet u l-ġustizzja f’Malta tista’ taħdem, xi ħaġa li lkoll naqblu magħha, iżda rridu nħalluha taħdem. Iva, smajniha wkoll tinnota l-bżonn ta’ aktar effiċjenza fis-sistema ġudizzjarja tagħna, iżda nfakkar li Malta qatt ma beżgħet tindirizza ċertu nuqqasijiet jew ittejjeb fejn hemm bżonn. Kif filatt diġà sar, u kif qed tkompli tagħmel.

Wieħed forsi jistaqsi wkoll għalfejn waqt dan id-dibattitu, ninsistu li nfakkru f’dawn ir-riformi kollha li għamilna fl-aħħar sena, u l-fatt li awtoritajiet maġġuri fl-Ewropa laqgħuhom. Ninsistu għaliex hawn min irid jagħti x’jifhem li f’Malta hawn l-impunità, jew xi rieda li s-sistema ġudizzjarja tkun ristretta f’xogħolha. Hawn min irid jagħti x’jifhem li anke issa li seħħew dawn ir-riformi kollha, il-ġustizzja f’Malta ma teżistix, u r-riformi ma kinux tajbin biżżejjed.

Bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, Malta hija obbligata tissodisfa r-rekwiżiti kollha ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li għaliha, l-indipendenza tal-qrati hija kruċjali. Dan kien ċar anke wara li fl-2019, l-Unjoni Ewropea nediet azzjonijet ġodda biex tiżgura s-saltna tad-dritt fl-Istati Membri, fosthom mekkaniżmu għal djalogu wiesgħa bejn il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea, is-soċjetà civili tal-Istati Membri kollha, u anke l-Parlamenti Nazzjonali. Il-ħsieb wara dan il-mekkaniżmu hu li jidentifika nuqqasijiet li jistgħu jheddu s-saltna tad-dritt, u jagħti soluzzjonijiet lill-istat membru dwar kif jista’ jtejjeb f’dan ir-rigward. Dan kollu jinġabar f’rapport (magħruf bħala r-Rule of Law report), li nfakkar li l-aħħar wieħed li sar dwar Malta kkwotatu Věra Jourová fil-Parlament Ewropew din il-ġimgħa.

Tfakkira wkoll li sforzi ġenwini hemm u riformi saru, u ġew rikonoxxuti anke mill-Kummissjoni nnfisha. Fl-istess waqt għaddejja ħidma fuq riformi oħra hekk kif hemm djalogu bejn l-istituzzjonijiet u l-Gvern dwar aktar titjib fis-sistema.

Quddiem dan kollu jien staqsejt x’sens jagħmel dibattitu bħal dan f’dan il-mument partikolari. Irridu nirrispettaw il-fatt li s-sistema ġudizzjarja f’Malta hija waħda leġittima bil-provi kollha u għandha r-riżorsi li għandha bżonn. Ċertu attakki, ċertu diskussjonijiet, jistgħu ixekklu l-proċess diġà delikat u partikolari f’dawn it-tip ta’ każijiet.

Għalhekk nibqa’ nemmen li dibattitu bħal dan, bi ħsieb li jwassal għal riżoluzzjoni,la jista’ jkun b’xi mod konċiljatorju, u wisq anqas utli, speċjalment f’kuntest ta’ soċjetà qed tfittex li ssaħħaħ is-sens ta’ għaqda fil-pajjiż.

Għal aktar informazzjoni żur is-sit : https://www.josiannecutajar.com/

Ekonomija

Sport