Tuesday, April 23, 2024

NIĠĠIELDU L-INTOLLERANZA

Aqra wkoll

Minkejja kampanji li saru, minkejja ukoll messaġġi, f’pajjiżna tibqa’ tispikka l-intolleranza b’mod partikolari lejn il-barranin. Jekk ikollok ftit ħin disponsibbli u forsi tidħol ftit fil-media soċjali issib biżibilju ta’ kummenti kontra l-barranin f’pajjiżna. Ibda minn kummenti bla mistħija u bla empatija ta’ xejn lejn dawk li il-vulnerabbli li qed jaħarbu mil-Libja jew minn sitwazzjonijiet ta’ kunflitt. M’hemm ebda dubju llum li l-Afrikani u l-Asjatiċi huma l-aktar li jesperjenzaw  kummenti kontrihom u ħafna drabi kummenti xejn sbieħ, b’aġġettivi dispreġjattivi.

Fil-jiem li għaddew kellna Jum il-Ħaddiem. Jum li fih ftit li xejn smajna fuq dawn il-ħaddiema u l-kundizzjonijiet tagħhom. Ftit li xejn smajna fuq is-servizz li dawn qed jagħtu f’pajjiżna.  Hi xi ħaġa li tweġgħek meta tara x’reazzoni  jkun hemm minn xi uħud meta jseħħ xi inċident fatali fuq xi post tax-xogħol u jirriżulta li l-ħaddiem ikun barrani.  

Fl-aħħar jiem ukoll kellna għadd ta’ immigranti, kważi 300 persuna li għamlu jiem sħaħ bejn sema u ilma jistennew port sigurt. Persuni vulnerabbli. Nisa. Tfal. Irġiel. Indirizzati lejhom kummenti mill-aktar negattivi. Is-swaba ippuntati lejhom. “Jgħidulhom x’nambuhom hawn”. “Morru banda oħra”. ‘Ibgħu sejrin”. “Morru lura lejn il-Libja”. Kummenti ta’ mibegħda, li jweġgħu lil dawn in-nies. Kummenti li ma jagħmlu xejn għajr li jżidu l-intolleranza fostna. Kummenti li jibqgħu għaddejjin qishom xejn mhu xejn.

Hi kundannabbli kull tip ta’ vjolenza lejn il-barranin f’pajjiżna. Ibda minn dik verbali u ibqa’ sejjer għal vjolenza ta’ tip ieħor. L-istess kif hu kundannabbli kull tip ta’ abbuż ieħor li jsir fuq il-barranin f’pajjiżna. 

Fl-Ewropa u anke ‘l barra minnha l-każi ta’ intolleranza ma jonqsux. Intolleranza li ġejja minn persuni tal-lemin estrem, li imbagħad jibdew jagħmluhom tagħhom u jmexxuhom persuni oħra.

F’Malta l-intolleranza qiegħda fostna ukoll. Timmanifesta ruħha f’kummenti fuq il-midja soċjali. Irridu nistaqsu kemm verament qed niġġieldu l-intolleranza?  Kemm qed naraw li nittrattawha biex ma’ tkomplix tinfirex?  Dak li qed nagħmlu hu biżżejjed?

Nemmnu li l-intolleranza tista’ tiġi indirizzata biss permezz tad-djalogu ġenwin u, biex naslu għal soluzzjoni, irridu naslu għaliha lkoll flimkien.

Ma nistgħux ma nsemmux li f’pajjiżna għaddejja ħidma li wieħed jistenna li tħalli l-frott. Per eżempju Malta hija impenjata li tipproteġi lill-gruppi ta’ minoranza li jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet vulnerabbli. Għal dan il-għan hemm ħidma biex tiġi stabbilita kummissjoni nazzjonali li tissalvagwardja d-drittijiet tal-bniedem. Fejn jidħlu l-liġijiet, imbagħad, qed niġġieldu b’mod mill-aktar attiv kontra d-diskors li jqanqal il-mibegħda, billi żdiedet il-protezzjoni ta’ nies  mhux Maltin minn atti kriminali bħal dawn.
Nemmnu li  l-inklużjoni u d-diversità huma t-triq ‘il quddiem. Irridu naraw li nies bi twemmin differenti jkunu jistgħu jgħixu flimkien, jieklu flimkien, u jkunu ħbieb ta’ xulxin. Għalkemm nafu li l-liberta’ reliġjuża xi kultant tista’ tkun diffiċli biex tiġi definita, l-Gvern għandu jibqa’ jimbotta ‘l quddiem din il-politika ’l quddiem. Nemmnu fid-dritt ta’ persuna li tħaddan ir-reliġjon jew it-twemmin fil-libertà kollha m’għandux jixxekkel mill-politika jew minn restrizzjonijiet soċjali. Biex dan kollu ma jiġrix, għandu jidħol l-Istat.
F’dinja fejn id-diversità, aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed issir in-norma, huma l-Istati li jridu jiddefendu dawn id-drittijiet. Fi bliet kbar Ewropej, id-diversità rajniha titħaddem b’mod tajjeb u ta’ benefiċċju għas-soċjetà. Malta mhix differenti.

Sport