Friday, May 3, 2024

Liverpool jikkwalifikaw għall-finali tal-UEFA Champions League

Aqra wkoll

Villarreal …….2

Liverpool…….3

(Aggregate 5-2)

Liverpool saru l-ewwel finalisti tal-UEFA Champions League meta fit-tieni leg tas-semi-finali, dawru telfa f’rebħa biex għelbu lil Villarreal bl-iskor ta’ 3-2 għal aggregate ta’ 5-2. 

Madankollu, il-fatt li Villarreal skorjaw kmieni, Li­verpool dehru demoralizzati u damu biex issetiljaw fejn dehru miftuħin fuq wara bil-konsegwenza li l-avversarji bdew jesponu n-nuq­qasijiet tagħhom biex daħlu jistrieħu b’vantaġġ ta’ żewġ goals. 

Iżda fit-tieni taqsima, Liverpool kienu trasformati bl-inklużjoni ta’ Luis Diaz biex għamlu rimonta u qat­għu l-passaġġ għall-finali.

Villarreal kellhom bidu mill-aqwa hekk kif wara biss tliet minuti fetħu l-iskor meta azzjoni bejn Pervis Estupinan u Francis Coquelin spiċċat biex Etienne Capoue għadda lejn Boulaye Dia li xeħet fix-xibka. 

Maħsuda b’dan il-goal, Liverpool għamlu reazzjoni u fil-11-il minuta resqu viċin iżda l-konklużjoni ta’ Diogo Jota għaddiet barra. 

Fis-16-il minuta kellu jkun Andy Robertson li mblokka fil-ħin lil Gerard Moreno li deher li seta’ jagħ­mel il-ħsara wara li rċieva mingħand Estupinan.

Fl-24 minuta, Mohamed Salah żmarka lil Diogo Jota iżda l-goalkeeper, Geronimo Rulli, kien puntwali biex ħareġ minn postu u evita kull periklu. 

Liverpool bdew iżidu fil-pressjoni biex jiksbu d- draw peró filwaqt li kienu kemmxejn erratiċi, ma setgħux jinfdu lid-difiża avversarja li kienet waħda kompatta … u l-frustrazzjoni bdiet tikber fost il-players Ingliżi. 

Fit-38 minuta, Villar­real appellaw għal penalty meta Giovani Lo Celso kien żmarkat minn Moreno iżda l-goalkeeper, Alisson, wasal fuq il-ballun qabel il-player minkejja li ħabtu f’xulxin.

Madankollu, tliet minuti wara, l-Ispanjoli rduppjaw minn daqqa ta’ ras ta’ Francis Coquelin li spiċċat fir-rokna tas-saqaf tax-xibka mill-cross ta’ Etienne Capoue.

Mal-ftuħ tat-tieni taqsima, Liverpool ħarġu aktar avventurużi fit-tenattiv biex jiksbu l-goal importanti. 

Fil-55 minuta, huma kienu sfortunati meta x-xutt ta’ Trent Alexander-Arnold ġie devjat minn Coquelin u ħabat mal-mimduda.

Peró, fit-62 minuta, Liverpool naqqsu distakk meta Salah żmarka lil Fabinho li minn pożizzjoni angolata għeleb lil Rulli. Ħames minuti wara, kien is-sostitut Luis Diaz li kiseb id-draw għat-team immexxi mill-manager Jurgen Klopp li kkonkluda bir-ras mill-cross ta’ Alexander-Arnold.

Fl-74 minuta, Sadio Mane ssiġilla rebħa meta’ qabeż lill-goalkeeper Rulli li ħareġ fi tliet kwarti ta’ ground, avvanza u xeħet fix- xibka.  

Il-partita ntemmet fuq nota negattiva meta fis-87 minuta tkeċċa Etienne Capoue għal żewġ karti sofor. 

Sport