Saturday, December 21, 2024

NIMBOTTA L-ISTINT U L-QALB SOĊJALI

Aqra wkoll

F’dawn l-aħħar jiem kont impenjat f’żewġ inizjattivi flimkien mal-E.T Marie-Louise Coleiro Preca li żgur u mhux forsi m’għandix bżonn ta’ ebda introduzzjoni.

Waqt żjara li għamilt f’dawn l-aħħar jiem lir-residenti ta’ Fondazzjoni Nazareth, fejn ġejt milqugħ mill-President tal-Bord tad-Diretturi l-E.T Marie-Louise Coleiro Preca, mhux biss urejt gratitudni lejn it-tmexxija ta’ Fondazzjoni Nazareth imma fakkart il-mod mgħaġġel li bih kibret din l-entità minn ħsieb ta’ Dun Anġ Seychell li kien il-pijunier tad-djar residenzjali fil-komunità.

Matul din iż-żjara jien urejt li se nkompli nsostni lill-Fondazzjoni Nazareth f’dak kollhu li jkollha bżonn tant li ħabbart li fi ftit jiem oħra se nkun mhux biss qed inforni lill-Fondazzjoni Nazareth b’numru ta’ kompjuters imma saħansitra se nkun qed nipprovdi għalliema lir-residenti wkoll.

Huwa dmir huwa kollu tiegħi, kemm bħala fundatur u direttur tal-kumpanija TCTC li dejjem kienet hemm biex tgħin lil batut, u anke issa bħala politiku ħa nkun qiegħed inkompli nimbotta l-istint u l-qalb soċjali li jien trawwimt biha. 

Dan dejjem għamiltu, prattikajtu u se nibqa’ nagħmlu għall-ġid u l-inklużjoni soċjali fostna.

L-E.T Marie-Louise Coleiro Preca dejjem kienet fond ta’ ispirazzjoni tiegħi. Meta ħdimt magħha mill-qrib, kemm bħala partit u anke fuq livell filantropiku u soċjali, dejjem kebset fija din l-identità soċjali.  

Grazzi lil Dun Anġ, li għalija huwa ikona nazzjonali mhux biss Żejtunija f’din l-opra kbira ta’ solidarjetà soċjali mal-batut. 

Fil-ġimgħat li ġejjin se nkun qiegħed nimplimenta ħolma oħra edukattiva propju ġewwa Dar Nazareth fiż-Żejtun. 

Ftit tal-jiem ilu, flimkien ma’ entitajiet oħra, attendejt ukoll għat-tnedija tal-proġett ta’ The Malta Trust Foundation. Dan huwa proġett li bl-għajnuna tagħna se nkunu nistgħu nagħtu ċans lil dawn it-tfal u ż-żgħażagħ ikunu storja ta’ suċċess. Dan huwa l-impenn tiegħi – nkomplu naħdmu b’ruħ u qalb soċjali. 

Ninsab impenjat li nkompli nħaddem din il-filosofija b’tagħlim b’xejn bħalma kien jagħmel iz-ziju tiegħi Wistin Abela, li grazzi għar-ruħ soċjalista li kien iħaddan għen bosta tfal, żgħażagħ, ġenituri, adulti u anzjani.

Illum, bħala kandidat f’isem il-Partit Laburista, inħares ‘il quddiem b’viżjoni u impenn biex inkompli nkattar il-ġid.

Ekonomija

Sport