Wednesday, April 24, 2024

Malta mbassra bl-akbar tkabbir fl-Ewropa fl-2022

Aqra wkoll

L-ekonomija Maltija mistennija li tara rkupru b’saħħtu fl-2021 u se tkompli bi tkabbir stabbli fl-2022 u l-2023. Dan ħareġ minn rapport dwar it-tbassir ekonomiku tal-ħarifa mħejji mill-Kummissjoni Ewropea. L-istess rapport juri kif l-ekonomija Maltija mistennija tkun l-iktar waħda li se tikber fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea matul l-2022.

Il-Kummissjoni Ewropea tibda biex tgħid li wara li l-pajjiż kellu tnaqqis fil-Prodott Gross Domestiku (GDP) fl-2020 minħabba r-restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija tal-Covid-19 u t-tnaqqis fit-turiżmu internazzjonali, l-ekonomija Maltija se terġa’ lura lejn it-triq ta’ tkabbir robust.

Fl-2021, it-tkabbir reali tal-GDP huwa mbassar li jilħaq il-5%, primarjament minħabba l-konsum domestiku u l-investiment. It-turiżmu reġa’ beda jirpilja iżda xorta waħda għadu taħt il-livelli tal-2019. L-infiq robust tal-Gvern ikompli jgħin l-ekonomija, inkluż permezz ta’ investiment pubbliku. 

Il-Kummissjoni Ewropea żiedet tinnota li dan it-tkabbir huwa mistenni li jilħaq il-livell ta’ 6.2% fl-2022. Innotat ukoll li l-ekonomija Maltija hija proġettata li tilħaq il-livelli ta’ qabel il-pandemija fit-tieni nofs tas-sena d-dieħla. Fl-2023, minkejja li t-tkabbir mistenni jonqos, xorta se jibqa’ wieħed b’saħħtu, biex jilħaq il-livell ta’ 4.8%.

Fuq kollox ġie nnutat li d-deċiżjoni tal-FATF fuq pajjiżna għandha effett limitat waqt li r-rata ta’ inflazzjoni se tibqa’ moderata. 

Il-Kummissjoni Ewropea żiedet issemmi kif ir-rata ta’ impjiegi żdiedet b’2.7% fl-2020 hekk kif il-Covid Wage Supplement kienet ta’ għajnuna fi żmien meta faqqgħet il-pandemija u rawmet ukoll sens ta’ regolarizzazzjoni fis-suq tax-xogħol.

Ir-rata ta’ impjiegi hi mbassra li se tkompli tiżdied, għalkemm b’pass kajman. Fl-istess waqt ir-rata ta’ qgħad mistennija tonqos gradwalment, minn 4.3% fl-2020 għal 3.7% fl-2023. 

Id-defiċit tal-Gvern mistenni jiżdied għal aktar minn 11% tal-GDP fl-2021. Iż-żieda fl-infiq pubbliku relatat mal-pandemija kien il-fattur ewlieni li kkontribwixxa għal din iż-żieda fid-defiċit. 

Hawn il-KE nnutat kif fl-2021, Malta żammet u estendiet miżuri importanti bħalma hi l-iskema tal-Wage Supplement, l-iskema tal-vawċers, l-għajnuna lin-negozji fil-kontijiet tad-dawl u l-kera u l-infiq fil-qasam tas-saħħa.

Finalment, il-KE qalet li d-defiċit huwa mbassar li jonqos għal 5.8% tal-GDP fl-2022 u 4.7% fl-2023.

Fl-ewwel reazzjoni tiegħu fuq Twitter, il-Prim Ministru Robert Abela qal li “t-tbassir tal-ħarifa tal-KE juri li Malta se jkollha l-ogħla tkabbir fl-UE matul is-sena d-dieħla, il-qgħad mistenni jonqos għal livell rekord u inflazzjoni ferm taħt il-medja. Bl-ekonomija tagħna lura f’postha nistgħu nibnu prosperità ġdida.”

Sport