Monday, December 23, 2024

“Nimbuttaw bidla favur in-nies” – il-Prim Ministru Robert Abela jżur proġett carbon neutral fis-settur privat

Aqra wkoll

F’indirizz li għamel wara li żar binja tal-bank HSBC li ġiet konvertita kompletament f’waħda li ma tarmix aktar emissjonijiet minn kemm tiġġenera u hi effiċjenti fl-użu ta’ enerġija, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq fuq l-importanza li l-bidla nilqgħuha għax hi favur in-nies. “Akbar ma tkun il-bidla, aktar irridu nemmnu fiha biex tkun suċċess,” saħaq Dr Abela meta kien qed jitkellem dwar il-qalba ambjentali bħala parti mill-prijoritajiet li għandu l-pajjiż.

Il-proġett sar bejn il-Fondazzjoni HSBC Malta u l-Kamra tal-Kummerċ. Meta kien qed iżur il-binja, il-Prim Ministru ġie spjegat lilu kif il-materjal użat f’ambjent sabiħ għall-ħaddiema fil-binja huwa kollu riċiklat. Il-proġett huwa ispirat minn mudelli bħal dak LEED, qafas ħolistiku li jindirizza kriterji u miri marbuta mal-indirizzar tal-bidla fil-klima.

Il-Prim Ministru Robert Abela mhux biss faħħar il-kollaborazzjoni bejn il-fondazzjoni tal-HSBC u l-Kamra tal-Kummerċ iżda tkellem fuq miri importanti li għandu l-pajjiż biex l-infrastruttura f’Malta taħdem b’operat nadif u carbon neutral. Qal li proġett bħal dan għandu jservi ta’ eżempju għal oħrajn, fosthom anki fis-settur privat.

Il-Prim Ministru Abela semma wkoll l-irwol li għandu s-settur finanzjarju biex fi sforz kollettiv jimbotta investimenti ħodor u nodfa. Qal li l-Gvern hu miftuħ għal diskussjoni u jibqa’ jinċentiva favur il-qalba ambjentali. Dr Abela qanqal diskussjoni dwar jekk wasalx iż-żmien li l-banek jinċentivaw aktar investiment f’binjiet li se jkollhom użu aktar t’effiċjenza fl-enerġija. Dan permezz tas-servizzi li joffru lill-investituri. Qal li l-Bank Malti għall-Iżvilupp huwa għodda importanti biex jiffaċilita dan.

Il-Prim Ministru tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jagħti direzzjoni ċara favur is-sostenibbiltà u jġib bidliet li xorta jkomplu jġibu progress u jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies. Innota kif l-Awtorità għall-Bidla fil-Klima, li l-Gvern beda x-xogħol dwarha, se tkompli ġġib flimkien stakeholders li magħhom il-Gvern jitkellem u jġib bidliet importanti u deċiżivi. Hawn innota kif iħares ’il quddiem li pajjiżna jkompli jimxi għall-futur tas-sostenibbiltà għax Malta għandha nies ta’ talent li kapaċi jkunu katalisti fil-qalba l-ħadra. Temm jgħid kif din il-qalba hija l-aqwa opportunità ekonomika għall-ġenerazzjoni tagħna

Ekonomija

Sport