Thursday, December 26, 2024

“Nindirizzaw sfidi globali u nitgħallmu minn xulxin”

Il-Ministru Fearne fil-75 Laqgħa tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, l-Onorevoli Chris Fearne, qiegħed jattendi il-75 Laqgħa tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa f’Ġinevra fl-Isvizzera bit-tema “Saħħa għall-Paċi, Paċi għas-Saħħa”. Bi tweġiba għad-diskors tad-Direttur Ġenerali tal-Għaqda Dinjija għas-Saħħa, Dott. Tedros Adhanom Ghebreyesus, huwa indirizza l-Assemblea fil-Plenarja bi stqarrija nazzjonali.

Il-Ministru Fearne tkellem dwar l-importanza ta’ kollaborazzjoni u koordinazzjoni bejn ir-Reġjuni tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) biex ma jintilfux opportunitajiet ħalli jiġu indirizzati sfidi globali f’dan il-mod filwaqt li nitgħallmu minn xulxin. 

Huwa stqarr kif, “Is-suċċess tal-akkwist konġunt (joint procurement) tal-vaċċin kontra l-COVID-19 fil-pajjizi kollha tal-Unjoni Ewropeja kien jeħtieġ it-trasparenza tal-prezzijiet bħala l-ewwel pass essenzjali fin-negozjar ta’ prezzijiet ġusti għal kulħadd u kif dan il-proċess għandu jiġi replikat b’mod wiesgħa biex jitjieb l-aċċess għal kulħadd għall-trattamenti tal-kanċer, mediċini għall-mard rari, antimikrobiċi u terapiji oħra”. 

“Niżguraw saħħa għal kulħadd…”

Il-Ministru tas-Saħħa Malti, li għandu rwol attiv fil-Grupp ta’ Mexxejja Globali One Health, tkellem dwar l-importanza li mexxejja u ministri għas-saħħa jieħdu azzjoni kolletiva mmedjata dwar ir-Reżistenza Anti-Mikrobika (AMR) u t-tibdil fil-klima.

Waqt li faħħar ir-rispons immedjat tad-WHO għall-gwerra mir-Russja fuq l-Ukrajna, il-Ministru Fearne aċċenna kif bħala mexxejja mediċi fir-rigward ta’gwerer u konflitti oħra madwar id-dinja, il-mandat tagħna bħala Organizzazzjoni tas-Saħħa għandu jibqa’ dak li niżguraw is-saħħa għal kulħadd u dan ma jistax jinkiseb mingħajr paċi.

Huwa esprima t-tħassib tiegħu dwar it-theddida għas-sigurtà globali tal-ikel li qiegħda tikkawża l-gwerra, flimkien mal-effetti tat-tibdil fil-klima. Barra minnhekk, talab li l-kwistjoni tas-sigurtà tal-ikel tingħata prijorità ħalli jinstabu soluzzjonijiet mal-Organizzazzjonijiet tan-NU.

Id-Deputat Prim Ministru għalaq billi rringrazzja lid-Direttur Ġenerali Tedros għat-tmexxija tiegħu f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida.  

Ekonomija

Sport