Sunday, December 22, 2024

”Ninsab ċert li l-Korp ser ikun qiegħed isegwi mill-qrib il-ħidma ta’ Malta”- Il-President George Vella

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-President George Vella, il-Ġimgħa filgħodu iltaqa’ mal-Korp tal-Konsli Ononarji f’Malta sabiex jagħti l-awguri għas-sena l-ġdida ġewwa l-Palazz tal-Granmastru fil-Belt Valletta.

Fid-diskors tiegħu il-President qal li jinsab ċert li l-Korp ser ikun qiegħed isegwi mill-qrib il-ħidma ta’ Malta u li jekk Malta tiġi bżonn xi ħaġa, jinsab ċert li dawn se jkunu qegħdin hemm lesti li jagħtu l-għajnuna kollha meħtieġa.

F’din l-okkażjoni, il-President ta’ Malta George Vella wera l-aprezzament tiegħu lejn il-Korp u qal li huma jagħmlu differenza kbira; ‘’Kelli ħafna opportunitajiet biex napprezza d-differenza li intom tagħmlu għar-relazzjonijiet bilaterali ta’ Malta, għal rabta kummerċjali, għal investiment, jew għal ċittadin li jsib ruħu f’diffikultà, permezz tal-esperjenzi li rajt fir-rwol tiegħi ta’ Ministru għall-Affarijiet Barranin’’.

Il-President ta’ Malta rrimarka wkoll li minkejja li kien hawn il-pandemija, il-Korp baqa’ ta’ għajnuna kbira minkejja li affaċja diversi sfidi. Hu rrimarka li fid-dinja bħalissa qegħdin jiġru ħafna affarijiet, inkluż il-gwerra li hemm bejn l-Ukrajna u r-Russja. Minkejja dan, ħeġġeġ lil Korp sabiex jibqgħu jagħtu rapporti preċiżi dwar kif Malta qiegħda taħdem sabiex issaħħaħ l-istituzzjonijiet tagħha.

B’referenza li għamel għal gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja, hu qal li għexieren ta’ eluf ta’ nies tilfu ħajjithom. Il-konsegwenzi tal-gwerra qed jagħmlu effett fuq l-ekonomiji, fil-provvisti tal-enerġija, fil-prezzijiet u fid-distribuzzjoni.

Temm jgħid; ‘’Nagħlaq billi nħeġġiġkom tkomplu bil-ħidma tajba tagħkom bħala ħolqa fundamentali fil-katina li tħares il-ġid tas-soċjetà tagħna u tal-familja globali tagħna b’mod aktar wiesa’. Fix-xhur li ġejjin, ser inżomm l-impenn tiegħi li nkompli naħdem magħkom ilkoll għal dan l-għan.’’

Ekonomija

Sport