“Nixtieq nirringrazzja lil kulħadd fosthom dawk l-aktar viċin tiegħi, lill-familja u l-mama li dejjem għallmitni li jekk nemmen fija nnifsi kollox huwa possibbli”. Iddikjarat dan Natalia Galea fl-ewwel kummenti tagħha lil Talk.mt wara li ġiet inkurunata bħala rebbieħa tal-25 edizzjoni tal-Miss World Malta 2022.
Galea qalitilna li se tkun qiegħda tkompli bil-ħidma tagħha sa mis-sigħat li ġejjin biex tkun tista’ tagħmel lil pajjiżna kburi biha. Żiedet tgħid li m’għandhiex dubju li l-organizzaturi se jkunu qegħdin jagħmlu minn kollox biex jgħollu l-livell u ma eskludietx l-ambizzjoni pożittiva tagħha li forsi bis-saħħa ta’ pajjiżna, “il-kuruna tibqa’ fl-Ewropa”.
Fl-appell aħħari tagħha lil dawk li jinsabu mħajrin li jibdew karriera fl-immudellar, Galea saħqet li l-prodott tiegħek inti trid tagħmillu l-aħjar riklam. “Dejjem se ssib xi intoppi, iżda jeħtieġ li f’dawk il-mumenti tibqa’ determinata u persistenti li se tasal biex twettaq il-ħolm tiegħek”.
Natalia mhix wiċċ ġdid f’dawn il-konkorsi tas-sbuħija. Hija bdiet il-karriera tagħha fl-immudellar lura fl-2015 u fl-2018 irnexxielha tirrapreżenta lil pajjiżna f’konkors ieħor tas-sbuħija.