Saturday, April 27, 2024

L-GĦAJNUNA BIEX AKTAR NIES ISIRU SIDIEN TA’ DARHOM

Aqra wkoll

Minkejja l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija tal-Covid-19, l-industrija tal-proprjetà f’pajjiżna baqgħet waħda b’saħħitha. Dan joħroġ b’mod ċar mill-ammont ta’ konvenji u kuntratti li ġew irreġistrati f’Malta u f’Għawdex matul l-2021 u fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena.

Fil-fatt minn statistika ppreżentata fil-Parlament jirriżulta li f’dan il-perjodu saru b’kollox 25,049 konvenju filwaqt li ġew irreġistrati 34,352 kuntratti ta’ bejgħ ta’ proprjetà. Biss biss, f’Diċembru li għadda, l-għadd ta’ konvenji u kuntratti, żdiedu b’rata qawwija fuq bażi annwali u kienu ogħla mill-ammonti ta’ Diċembru 2019 qabel bdiet il-pandemija. 

Dan l-iżvilupp jirrifletti wkoll l-affluwenza li laħaq il-poplu Malti fejn aktar nies qed iħabirku biex isiru sidien ta’ djarhom u qed isibu kull inkoraġġiment mir-reżiljenza tal-ekonomija ta’ pajjiżna. Ta’ importanza kbira kienet l-għajnuna mogħtija mill-Gvern, anke permezz ta’ diversi inċentivi mħabbra fil-budget f’dan il-qasam, li taw dik l-ispinta meħtieġa lix-xerrejja prospettivi. 

Kien proprju Gvern Laburista li fl-ewwel leġiżlatura tiegħu introduċa miżuri li minnhom ibbenefikaw dawk li se jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom (il-first time buyers). Fil-fatt, fil-Budget tal-2014 kienet iddaħħlet il-miżura fejn first time buyers ma jħallsux taxxa tal-boll fuq l-ewwel €150,000 u matul is-snin mhux biss tkompliet imma l-ammont kompla jiżdied għal €200,000. Minn din il-miżura bbenefikaw aktar minn 28,000 persuna fejn frankaw madwar €90 miljun f’taxxa tal-boll fuq l-ewwel proprjetà tagħhom.

Nirrikonoxxu li l-Gvern ma waqafx hemm tant li introduċa wkoll skemi t’għajnuna għal dawk li se jkunu qed jixtru t-tieni proprjetà tagħhom u għal dawk li jixtru proprjetà f’Għawdex. Ma’ dawn hemm ukoll inċentivi għal min jirrestawra proprjetajiet antiki jew dawk li jixtru f’żona ta’ konservazzjoni urbana. 

Nifhmu li f’dan l-isfond, il-ħidma tal-Awtorità tad-Djar qed tkun pro-attiva billi qed tikkumplimenta dawn il-benefiċċji billi hi stess toffri akkomodazzjoni soċjali għal dawk li ma jifilħux jixtru. Dan kollu ammirevoli illi pajjiżna minkejja ċ-ċokon tiegħu l-poplu qiegħed dejjem jiżviluppa u jmur għal ħajja aktar diċenti. 

Sport