Wednesday, June 3, 2026

“Ninsab eċitat ħafna biex nibda dan il-kapitlu l-ġdid ma’ Xewkija Tigers” – Darko Stojanovic

Aqra wkoll

Il-futbol Għawdxi qed jipprepara għal staġun ieħor mimli sfidi u aspettattivi, u wieħed mill-aktar passi interessanti li ttieħdu f’dan il-bidu tas-sajf meta ġeneralment il-klabbs jibdew jippreparaw għall-istaġun li ġej, kienet il-ħatra tas-Serb Darko Stojanovic bħala kowċ ġdid ta’ Xewkija Tigers FC. Il-kowċ il-ġdid iffirma kuntratt ta’ sentejn mal-klabb u se jkun qed imexxi lit-Tigers f’fażi ġdida ta’ ristrutturar u żvilupp.

Għal Stojanovic, din il-ħatra għandha tifsira speċjali. Fil-fatt, huwa mhux biss qed jirritorna f’wieħed mill-aktar klabbs storiċi f’Għawdex bħala kowċ, iżda fil-passat kien ukoll jilbes il-flokk isfar u iswed bħala plejer.

Imwieled fis-Serbja, Stojanovic lagħab bħala difensur ċentrali u matul il-karriera tiegħu rrappreżenta diversi timijiet kemm fil-Montenegro kif ukoll f’Malta. Fl-2012 ingħaqad ma’ Żurrieq FC qabel ma kompla l-vjaġġ tiegħu fil-futbol Għawdxi ma’ Oratory Youths, St Lawrence Spurs, Nadur Youngsters u finalment Xewkija Tigers. Fl-2019 temm il-karriera tiegħu bħala plejer proprju ma’ Xewkija Tigers.

Issa qed jirritorna f’kapitlu ġdid b’dan is-sit li ħadlu l-kummenti tiegħu ftit jiem wara li ġie maħtur f’din il-kariga.

“Jiena tassew kuntent u grat li ngħatajt l-opportunità li nkun il-kowċ ta’ wieħed mill-aqwa klabbs f’Għawdex,” qal Stojanovic. “Qed nibda vjaġġ ġdid u eċitanti flimkien ma’ Xewkija Tigers u minn hawn inwiegħed lill-partitarji u anke lis-segwaċi ta’ dan il-klabb li se nagħti l-aħjar tiegħi kuljum sabiex ngħin lill-plejers jikbru u jirrappreżentaw lill-klabb bl-ogħla professjonalità possibbli.”

Il-kowċ Serb irringrazzja wkoll lill-president Jeffrey Farrugia tal-fiduċja li wera fih.

“Nixtieq nirringrazzja lill-president Jeffrey Farrugia talli emmen fija. Din hija responsabbiltà kbira u se naħdem bla waqfien sabiex inrodd lura l-fiduċja li wera fija. Inħares ’il quddiem biex nibda naħdem mal-grupp u niltaqa’ mal-partitarji.”

Stojanovic jasal għand Xewkija wara staġun pożittiv ferm ma’ Għajnsielem FC. Taħt it-tmexxija tiegħu, Għajnsielem temm il-kampjonat fit-tieni post bi 33 punt minn 18-il partita, rekord li kien jinkludi 11-il rebħa. Għalkemm Kercem Ajax kienu dominanti u rebħu l-kampjonat, Għajnsielem irnexxielhom jispiċċaw qabel timijiet bi tradizzjoni qawwija bħal Xewkija Tigers u Qala Saints.

Dak ir-riżultat kompla jikkonferma r-reputazzjoni tiegħu bħala kowċ li jaf joħroġ l-aħjar mill-plejers li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu.

“L-esperjenza ma’ Għajnsielem FC kienet waħda sabiħa ħafna. Kelli grupp ta’ plejers li ħadem bis-serjetà u flimkien irnexxielna niksbu riżultat tajjeb. Issa però l-fokus kollu tiegħi huwa fuq Xewkija Tigers u kif nistgħu nibnu tim kompetittiv għall-futur.”

Filwaqt li l-istaġun li għadda Xewkija Tigers spiċċaw fit-tielet post b’31 punt, l-ambizzjoni tal-klabb hija li jerġa’ jisfida għall-ogħla unuri fil-futbol Għawdxi. Għalhekk il-ħatra ta’ Stojanovic qed titqies bħala pass importanti fil-pjanijiet fit-tul tal-klabb.

Meta mistoqsi dwar l-objettivi tiegħu, il-kowċ kien ċar li l-ewwel prijorità hija li jinħoloq grupp magħqud.

“Qabel nitkellmu dwar trofej jew klassifiċi, irridu nibnu kultura b’saħħitha. Irrid li l-plejers ikunu dixxiplinati, jaħdmu għal xulxin u jifhmu x’ifisser li tilbes il-flokk ta’ Xewkija Tigers. Meta jkollok dawn il-valuri, ir-riżultati jiġu aktar faċli.”

Matul il-karriera tiegħu bħala kowċ, Stojanovic dejjem kien magħruf għall-enfażi li jagħti lill-preparazzjoni tattika u lill-kundizzjoni fiżika tal-plejers. Huwa jemmen li s-suċċess ma jiġix biss mit-talent individwali, iżda minn impenn kontinwu fit-taħriġ u minn mentalità rebbieħa. Fil-fatt, dawk li ħadmu miegħu fil-passat spiss jiddeskrivuh bħala persuna li titlob ħafna mingħand il-plejers tiegħu, iżda fl-istess ħin tkun dejjem lesta tgħinhom jiżviluppaw kemm bħala futbolers kif ukoll bħala individwi. Din il-filosofija mistennija tkun wieħed mill-pilastri ewlenin tal-proġett il-ġdid tiegħu ma’ Xewkija Tigers.

Stojanovic jemmen ukoll li l-futbol Għawdxi għandu kwalità kbira u potenzjal li jkompli jikber.

“Meta ġejt Malta bħala plejer skoprejt ambjent sabiħ ħafna. F’Għawdex il-futbol huwa parti importanti mill-komunità u l-passjoni li tara fil-partitarji hija xi ħaġa speċjali. Nemmen li hemm ħafna talent u rridu nkomplu naħdmu biex niżviluppawh.”

Il-fatt li kien jilgħab ma’ Xewkija Tigers fil-passat jagħtih vantaġġ importanti hekk kif diġà jaf il-kultura tal-klabb.

“Għandi memorji sbieħ ħafna minn meta kont plejer ta’ Xewkija. Dejjem ħassejtni milqugħ u rispettat. Issa qed nirritorna fi rwol differenti iżda bl-istess entużjażmu. Naf kemm dan il-klabb huwa importanti għan-nies ta’ Xewkija u rrid nagħmel minn kollox biex inkunu ta’ suċċess.”

Il-partitarji tat-Tigers qed jistennew b’interess il-bidu tal-avventura l-ġdida taħt it-tmexxija tas-Serb, li matul l-aħħar snin bena reputazzjoni ta’ kowċ metodiku u qrib il-plejers tiegħu.

B’kuntratt ta’ sentejn f’idejh u bi proġett ġdid quddiemu, Darko Stojanovic jidher determinat li jħalli marka pożittiva oħra fil-futbol Għawdxi. Għalih, il-messaġġ huwa wieħed sempliċi iżda qawwi.

“Se nagħti qalbi u ruħi għal dan il-klabb. Naf li hemm ħafna xogħol xi jsir, iżda flimkien nistgħu nibnu xi ħaġa sabiħa. Ninsab eċitat ħafna biex nibda dan il-kapitlu l-ġdid ma’ Xewkija Tigers.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport