Il-golfer Malti Ruud Critien ġie inkurunat bħala r-rebbieħ tal-Laferla Club Championships, turnew li sar fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet fir-Royal Malta Golf Club.
Critien beda l-kompetizzjoni b’mod impressjonanti b’round ta’ 68 gross fl-ewwel ġurnata u minn hemm ’il quddiem baqa’ jkabbar il-vantaġġ tiegħu fuq il-kumplament tal-kompetituri. Huwa temm il-kampjonat b’round eċċellenti ta’ 65, b’erbgħa taħt il-par, sabiex irreġistra skor totali ta’ 202 fuq tliet rounds. Dan kien biżżejjed biex jispiċċa quddiem Andrew Borg, li temm fit-tieni pożizzjoni b’211, u JJ Micallef li spiċċa fit-tielet post bi skor ta’ 212.
Intant fil-kompetizzjoni tas-Centenary Plate, Mika Kujapelto ħareġ rebbieħ wara li kiseb skor nett totali ta’ 195 fuq tliet rounds. Dan wara li rreġistra rounds ta’ 67, 64 u 64. Huwa spiċċa quddiem Leslie White li temm b’199, filwaqt li Martin Azzopardi u Demis Tonna qasmu t-tielet post bi skor ta’ 200.


