Michelle Rausi, iktar kmieni llum, qasmet esperjenza personali fuq il-midja soċjali, dwar meta seba’ snin ilu waqt li kienet qed tfittex xi ritratti ta’ tfal Maltin bid-Down Syndrome, b’sorpiża għaliha ma setgħet issib xejn.
Hija tirrakkonta li dak iż-żmien, bintha Francesca — li twieldet bil-kundizzjoni tad-Down Syndrome — kien għad kellha biss ftit xhur, u minn dak il-mument, tispjega Michelle, hija ħasset li kien wasal il-mument li jkun hemm iżjed għarfien fuq il-midja soċjali. “Bdejna bi ftit ritratti, u ftit wara bdejt nara ritratti ta’ tfal oħra telgħin … X’ferħ ħassejt f’qalbi!”
Iċ-ċkejkna Francesca mhix isem ġdid mal-Maltin u l-Għawdxin li huma familjari mad-dinja tal-immudellar. Lil Francesca Rausi, rajnieha diversi drabi tieħu sehem f’xi kompetizzjoni tal-immudellar, kemm lokali kif ukoll fuq livell internazzjonali.
Michelle tkompli tgħid li l-ħsieb tagħha kien li bintha tkompli tgħin aktar familji jagħrfu s-sabiħ ta’ dawn it-tfal.
“Illum, seba’ snin wara, dak li bdejt jien qed tagħmlu int … Ninsab ħdejk narak tkisser il-barrieri minn età daqshekk żgħira,” tgħid lil bintha Francesca.
“Inwegħedkom li matul is-sena 2023, Francesca se tkompli taħdem għal aktar għarfien,” tiżvela Michelle. Hija żżid tgħid li għalkemm “Ħa tkun sena impenjattiva għal Francesca, se tkun qed tagħmel xi ħaġa għal qalbha: Turi lid-dinja li d-Down Syndrome ma twaqqfekx minn dak li trid tagħmel”.