Thursday, July 18, 2024

Ninsab ħerqan biex nibda esperjenza ġdida ma’ Mgarr Utd – Clive Gauci

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol tista’ tgħid bdiet minn missieri fejn kien jeħodni nilgħab minn post għall-ieħor minn ċkuniti. Barra minn hekk, konna mmorru naraw xi logħob ġewwa l-Victor Tedesco Stadium jew it-Tony Bezzina Stadium li komplew iħeġġuni biex nibda nilgħab dan l-isport. Minn hemm kelli esperjenzi fin-nurseries ta’ Zabbar u Pietá Hotspurs.

X’tikkummenta fuq l-esperjenza passata tiegħek ma’ Gzira United fil-Premier?

Kienet esperjenza sabiħa, fejn grazzi għall-fiduċja tal-kowċis Darren Abdilla u Andrew Cohen ingħatajt l-opportunitá li nilghab f’dan il-kampjonat kif ukoll fl-Ewropa. Matul dawn iż-żewġ staġuni, tgħallimt ħafna speċjalment mingħand sħabi l-plejers fejn tara l-professjonalitá u l-kwalitá li hemm fil-Premier Malti li sfortunatament mhux dejjem tiġi apprezzata.

Jekk ikolli nsemmilek logħba memorabbli mal-Maroons, liema hi?

Naħseb li l-iżjed esperjenza memorabbli ma’ Gzira United kienet ġewwa s-Serbja meta kkwalifikajna għat-tielet rawnd tal-UEFA Europa Conference League fejn irnexxielna neliminaw lit-tim ta’ Radnicki Nis. Kien mument sabiħ hafna hekk kif f’kompetizzjonijiet bħal dawn dejjem hu sabiħ li tagħmel unur għal Malta.
Il-logħba ta’ ħbiberija kontra l-Inter tista’ tqisha bħala esperjenza ta’ darba f’ħajtek, fejn tara kif stilel mondjali jilagħbu s-‘simple football’ b’mod perfett u effettiv.

Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek ma’ Mgarr United fiċ-Challenge League?

Inħossni ħerqan biex nibda din l-esperjenza ma’ Mġarr United fiċ-Challenge League. Nemmen li speċjalment f’dawn l-aħħar snin, il-klabb ta’ Mġarr ħadem u investa b’mod tajjeb hafna, fejn fl-aħħar staġun, irnexxielu jirbaħ l-Amateur League.
Din is-sena flimkien mal-kowċ Brian Spiteri se nkunu qegħdin naħdmu biex nilagħbu futbol sabiħ li nittamaw jsarraf f’riżultati pożittivi u fl-istess ħin inkunu ta’ ostaklu għal kull oppożizzjoni.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Nemmen li matul dawn is-snin, il-futbol Malti qiegħed jitjieb minn sena għal sena. Dan qegħdin narawh fir-riżultati li t-timijiet Maltin qegħdin jiksbu fil-kompetizzjonijiet Ewropej, fejn speċjalment mil-lat tattiku, il-klabbs Maltin qegħdin ikunu ppreparati sa snienhom.

Min-naħa l-oħra nemmen li jekk ikollna iżjed emfażi fuq plejers Maltin milli fuq il-barranin, dan jista’ jgħin sabiex ikollna iżjed żvilupp u esperjenza għall-plejers Maltin. Nemmen li jekk isir dan, ir-riżultati għan-Nazzjonal ikomplu jitjebu kif ukoll l-attendenzi mill-ispettaturi ġewwa l-grawnds rispettivi.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Il-karriera ta’ kull futboler hi waħda qasira u li sfortunatament f’kull mument tista’ tiġi iqsar. Għalhekk l-uniku messaġġ li ngħaddi hu li wieħed għandu jgawdi dawn il-mumenti ma’ sħabu tat-tim billi jaħdem, jagħmel is-sagrifiċċji li hemm bżonn iżda fl-aħħar u mhux l-inqas jieħu gost jilgħab il-logħba tal-futbol. Nemmen li jekk dawn isiru, is-suċċessi għandhom jiġu waħedhom!

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport