Thursday, July 11, 2024

Luca Vella u Rossana Oddi jirbħu l-ewwel tiġrija tal-Kampjonati Garmin BSJ Open Water

Aqra wkoll

Birkirkara St. Joseph Sports Club ospita l-ewwel tiġrija tal-Kampjonati Garmin BSJ Open Water tal- 2024 fis-Salina l-Erbgħa wara nofsinhar. Il-Kampjonati jikkonsistu f’ħames tlielaq fuq medda ta’ żewg kilometri u waħda fuq erba kilometri.

Luca Vella, rebbieħ tal-kampjonati tas-sena l-oħra, kien l-ewwel li spiċċa l-korsa ta’ 2km. Huwa kien segwit mill-qrib minn Sam Camilleri, li spiċċa erba’ sekondi biss warajh. Fit-tielet post kien Liam Farrugia. Filwaqt li l-kundizzjonijiet tal-baħar ivarjaw minn tiġrija għall-oħra, u b’effett fuq il-prestazzjoni, kemm Vella kif ukoll Camilleri rreġistraw titjib notevoli mit-tiġrija tas-sena ta’ qabel.

It-tiġrija tan-nisa laqgħet ħafna uċuħ ġodda. Ir-rebbieħa tat-tiġrija Rossana Oddi kisbet vantaġġ komdu fuq Kaitlyn Muscat li spiċċat fit-tieni post u Michela Camilleri li daħlet fit-tielet post. Filwaqt li t-tliet nisa għamlu d-debutt tagħhom fuq il-podju, Muscat u Camilleri kienu kkompetew fil-kampjonati tas-sena l-oħra, bit-tnejn urew titjib sinifikanti fil-ħinijiet tagħhom.

It-tieni tiġrija tal-kampjonati se ssir fis-Salina nhar l-Erbgħa, 26 ta’ Ġunju fis-6:30 ta’ filgħaxija.  Ir-reġistrazzjonijiet huma miftuħa online fuq il-websajt tal-Club –  www.bsj.mt

Sadanittant, il-Club avża li r-reġistrazzjonijiet għall-Garmin Malta – Gozo – Malta Swimming Competition u il-Garmin Gozo – Malta Swimming Competition huma miftuħa u ħeġġeġ lil dawk li qed jippjanaw jipparteċipaw biex jirreġistraw kemm jista’ jkun malajr.

Il-Birkirkara St Joseph Sports Club irringrazzja lil Garmin Malta tal-appoġġ tagħhom, kif ukoll lill-Uffiċjali tat-Tlielaq u tal-Club preżenti dakinhar.

Il-Kampjonati qedin jsiru taħt l-awspiċji tal-Aquatic Sports Association of Malta.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport