Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn età żgħira, meta ta’ sitt snin, il-ġenituri tiegħi daħħluni fin-nursery ta’ Zabbar St Patrick FC. Barra minn hekk, kbirt f’familja li l-futbol huwa għal qalbha ħafna. Dejjem kont nara l-logħob ma’ missieri, nannuhi, u hija, u l-interess dejjem żdied. Bħala partitarju ċkejken ta’ AC Milan, kont nammira ħafna lil Zlatan Ibrahimovic għall-mentalità b’saħħitha li kellu u tal-gowls li kien jiskorja.
X’tikkummenta fuq l-istaġun li għadda kemm għalik personali kif ukoll għal Fgura United FC?
Kien staġun mimli emozzjonijiet, kemm fit-tajjeb kif ukoll fil-ħażin. Bħala tim, irnexxilna nidħlu fit-Top 8 għall-ewwel darba wara li fis-snin li għaddew dejjem bqajna niġġieldu sal-aħħar ġurnata iżda dejjem fallejna b’punt. Inħoss li konna wieħed mill-aqwa timijiet, anka bil-mod kif bqajna sodi meta konna affaċċjati b’ċerti sfidi diffiċli ħafna, kemm ġewwa kif ukoll barra l-grawnd.
Ġraw affarijiet ħżiena wkoll, fosthom l-injuries ta’ Nick Jr fil-ħames logħba tal-kampjonat u mbagħad tal-captain Dylan Caruana u Alan Rahman fl-inċident serju fil-logħba kontra Luxol St Andrews. Madanakollu, it-tim dejjem baqa’ magħqud u adatta għal kull sitwazzjoni li konna fiha. Fuq nota personali, kelli staġun tajjeb ħafna fejn lgħabt kull logħba u għaqqadt il-50 preżenza ma’ Fgura United FC. Skurjajt l-ewwel gowl fil-futbol tal-kbar u tajt erba’ assists.
X’tikkumenta fuq l-eks kowċ, Kevin Vella?
L-eks kowċ Kevin Vella huma kowċ bravu ħafna u jaghti kollox għall-futbol. L-aqwa kwalitajiet tal-kowċ Kevin huma li meta jkun affaċċjat bl-isfidi, dejjem ikun lest li jaħdem aktar minn qatt qabel biex jegħlibhom. Qattajt żewġ staġuni mill-isbaħ ma’ kowċ Kevin, fejn ingħatajt opportunità li nemmen li ħadt bl-aqwa mod possibbli. Dejjem kien jemmen fija u jiggwidani biex intejjeb il-logħba tiegħi. Kien kowċ importanti ħafna fl-avventura tiegħi fil-futbol.
U rigward il-kowċ il-ġdid, Ryan Fenech?
Il-kowċ il-ġdid Ryan Fench huwa kowċ ambizzjuż u determinat li jikseb is-suċċess ma’ kull tim li jkun miegħu. Barra minn hekk, miegħu iġib esperjenza vasta li kiseb matul il-karriera tiegħu bħala plejer, fejn lgħab fl-aqwa livell tal-futbol Malti, u fejn irrappreżenta lil Hamrun Spartans, Sliema Wanderers, Balzan, Birkirkara, Valletta, u Marsa, kif ukoll it-tim nazzjonali Malti. Żgur li mal- kowċ Ryan, kapaċi nagħmlu biċċa xogħol tajba u nkomplu nibnu fuq dak li ksibna l-istaġun li għadda.
X’tikkummenta fuq il-fatt li ġejt magħżul bħala l-aqwa left back taċ-Challenge League waqt l-MFPA Awards?
Ninsab onorat li ġejt magħżul bħala l-aqwa left back taċ-Challenge League waqt l-MFPA Awards. Dan juri l-progress li għamilt minn mindu bdejt nilgħab fil-futbol tal-kbar b’mod regolari. Nemmen li waħda mill-isbaħ affarijiet fil-futbol hija li tiġi rikonoxxut u rrispettat minn sħabek tat-tim, kif ukoll mill-avversarji tiegħek. Dan it-tragward jimmotivani biex inkompli nitjieb u nikseb aktar suċċessi bħal dawn.
U fuq il-kumitat immexxi mill-president, Larkin Bonnici?
M’għandi xejn ħlief tifħir għall-kumitat immexxi mill-president, Larkin Bonnici. Fil-klabb tal-Fgura hemm interess totali f’kull kategorija, miż-żgħar nett sat-tim tal-kbar, u jsir xogħol bla waqfien għall-benefiċċju tat-timijiet kollha. Ma nistax ma nsemmix il-fatt li hemm bosta membri tal-kumitat li huma volontarjati, li l-interess waħdieni tagħhom huwa li sena wara sena, it-tim tal-Fgura jibqa’ jagħmel progress.
Fil-fatt, fi spazju ta’ ħames snin, it-timijiet kompetittivi ta’ dal-klabb rebħu diversi promozzjonijiet mil-livelli l-aktar baxxi, biex illum kollha qed jilgħabu f’Section A. Dan juri x-xogħol siewi li qed isir fi ħdan dan il-klabb, u l-interess ħolistiku li hemm biex il-futur ikun wieħed sabiħ.
Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek ma’ Birkirkara FC, fejn lgħabt ukoll fil-Malta Premier.
Qattajt erba’ snin ma’ Birkirkara FC fejn kelli l-opportunità li nittrenja u nilgħab ma’ wħud mill-aqwa plejers ta’ Malta, kemm tal-età tiegħi, kif ukoll tal-kbar. Missejt l-ogħla livell tal-futbol Malti fejn lgħabt xi logħbiet fil-Malta Premier, u esperjenzajt ir-rebħ tal-FA Trophy.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Inħares lejn il-futur tiegħi fil-futbol bi tbissima, u ninsab ħerqan biex inkompli nitjieb sena wara sena. Mumenti diffiċli dejjem se jkun hemm, iżda l-fatt li dejjem żammejt sod u kont persistenti anke meta kont affaċċjat b’diversi sfidi ibsin, itini l-kuraġġ li nibqa’ miexi ‘l quddiem u nkun lest li naffaċċja dawn l-isfidi bl-aqwa mod possibbli.
Inħares lejn il-futur tiegħi b’determinazzjoni kbira. Inħoss li nista’ nkompli nitjieb sena wara sena. Nemmen li l-agħar ħaġa li jista’ jagħmel plejer tal-futbol hija li jaħseb li jkun wasal xi mkien. Dejjem ikun hemm xi ħaġa li plejer ikun seta’ għamel aħjar. Nixtieq intejjeb dak li stajt nagħmel aħjar u nibni fuq dak li għamilt tajjeb biex inkompli nikber fil-karriera tiegħi.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Għal kull min jixtieq li jkollu karriera ta’ suċċess fil-futbol, l-aktar ħaġa importanti hija li jiġri x’jiġri, tibqa’ miexi ‘l quddiem. Is-sabiħ tal-futbol hu li sakemm tibqa’ tipprova, dejjem ikollok ċans ieħor jekk ma tirnexxix mall-ewwel.
Kien hemm ħafna mumenti diffiċli fejn ħsibt li ma kien hemm l-ebda ċans li noħroġ minnhom, imma peressli bqajt nissielet, dejjem irnexxieli negħleb kull ostaklu li kelli quddiemi, u hekk se nibqa’ nagħmel fil-futur!


