Monday, May 13, 2024

“Ninżel jien, jinżel kulħadd miegħi”

Aqra wkoll

Tkompli l-kumpilazzjoni kontra Yorgen Fenech; jixhed it-tabib Adrian Vella 

Hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Yorgen Fenech, li qed jiġi mixli b’kompliċità fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, x-xhud ewlieni kien it-tabib personali ta’ Fenech u ta’ Tumas Group, Dr Adrian Vella. 

Vella kien ir-raġel identifikat minn Melvin Theuma bħala r-raġel li kien messaġġier bejn Fenech u l-eks Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri. Wieħed minn dawn il-messaġġi kien jindika lilu biex jitfa’ t-tort tal-qtil ta’ Caruana Galizia fuq l-eks Ministru Chris Cardona. 

L-Ispettur Arnaud saħaq li l-pulizija kienet għadha tinvestiga l-irwol tiegħu bħala allegat messaġġier, iżda sal-bieraħ huwa ma kien qiegħed jiġi akkużat bl-ebda reat. 

Jissemmew l-użu tal-vapuri u l-ajruplani “biex Fenech jitlaq minn Malta legalment”

Vella saħaq li f’Novembru li għadda, ġimgħa qabel ma ġiet arrestat, Fenech kien ċempillu u saħaq li kien qiegħed iħossu aġitat bl-inkwiet, u għalhekk huwa mar l-appartament tiegħu għall-ħabta tat-8.00 ta’ filgħaxija. Huwa kien issuġġerixxa li jmorru Għawdex fil-villa ta’ Vella, u telqu direttament hemm bil-karozza ta’ Vella. Matul il-vjaġġ, Fenech qal li nesa l-mobile warajh, u allura Vella waqaf id-dar tiegħu f’San Pawl il-Baħar u tah mobile ġdid, li ma kellux sim-card.

Mistoqsi mill-Qorti fuq ir-raġuni għala għamel dan, Vella saħaq li kienet l-idea tiegħu li “nbiegħed lil Fenech minn Malta, għal perjodu ta’ ħin biex jikkalma, u mbagħad jinżel miegħu lura Malta.” Filwaqt li Vella saħaq li huwa kien ra lil Fenech u lil ħuh, li tela’ jum wara, jiffirmaw numru ta’ karti, fl-ebda ħin ma ssemma l-qtil ta’ Caruana Galizia.

Vella sema’ lil Fenech jitkellem ma’ ħuh, u waqt dawn it-taħditiet ssemmew l-użu tal-jottijiet u tal-ajruplani bħala mezz biex Fenech ikun jista jitlaq mill-pajjiż b’mod legalment, pero’ wara pressjoni mill-Qorti, Vella deher imfixkel fix-xhieda tiegħu.

Wara dan l-episodju, Vella saħaq li huwa kien żar lill-akkużat waqt li dan kien arrestat ġewwa l-lock-up tal-Pulizija, u wara li dan kien qal li kien qiegħed iħoss uġigħ f’sidru, it-tabib tah żewġ pilloli. Vella saħaq li ma’ Fenech, huma tkellmu biss fuq il-kundizzjoni medika tiegħu.

Vella jikkonferma li Keith Schembri ta l-ittri lil Fenech waqt li dan inżamm mill-Pulizija

Iktar tard, Fenech kien ċempel lil Vella u qallu biex imur id-dar ta’ Keith Schembri ġewwa l-Mellieħa. Hemmhekk, Schembri qal lil Vella biex jieħu numru ta’ karti miegħu. Huwa saħaq li fl-ebda ħin ma ra l-kontenut ta’ dawn il-karti: “Jiena minix inkejjuż u ma nindaħalx fl-affarijiet ta’ ħaddieħor.”

Vella saħaq li huwa mar direttament wara fl-appartament ta’ Fenech, fejn apparti l-familja tiegħu, kien hemm ukoll l-avukat tad-difiża Gianluca Caruana Curran. Huwa ta l-karti direttament lil Caruana Curran, pero’ l-akkużat ħataf il-karti minn idejn dan tan tal-aħħar.

Xħin l-akkużat ra dak li kien hemm miktub fuq il-karta, Vella saħaq li l-akkużat qabditu “ferneżija”, beda jsabbat u jgħajjat. Minn dakinhar ‘l hemm, Vella saħaq li huwa qatt ma kellem lill-akkużat.

F’kontro-eżami mill-Avukat tal-Parte Civile, Vella saħaq li f’telefonata li huwa kellu ma’ Fenech, huwa qal: “Ninżel jien, jinżlu kulħadd miegħi.” It-tabib saħaq li huwa assuma li dan kien qiegħed jirreferi għall-każ tal-qtil. 

Wara mistoqsija tal-avukati difensuri, Vella saħaq li huwa kien mistoqsi mill-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra, fil-preżenza tal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar. Dan tal-aħħar għajru ripetutament “għajjur” għal min fejn kienu qegħdin jiġu ll-karti, minkejja li l-laqgħa seħħet qabel ma ta d-dikjarazzjoni uffiċjali tiegħu.

“Lili l-kaptan qalli ripetutament li ma kinux ħa jsalpaw dak il-lejl”

Wara Vella, kien imiss lill-fotografu tat-Times li kien imsemmi waqt is-seduta preċedenti li huwa seta kien jaf bl-attentat ħarba ta’ Fenech qabel ma seħħet. Il-fotografu spjega li huwa kien rċieva telefonata mill-Edituri tiegħu biex imur isegwi dgħajsa ġewwa l-Marina ta’ Portomaso. Huwa ltaqa’ mal-Kaptan tad-Dgħajsa, Logan Woods, li inzerta li kien jafu. 

Il-fotografu saħaq li l-kaptan ma kienx jidher ċert meta ser juża d-dgħajsa, tant li wieġbu: “Probabilment, ġimgħa oħra, pero’ minix ċert.” Huwa saħaq ukoll li l-kaptan kien kkonfermalu li d-dgħajsa ma kinitx tinħareġ mill-marina dik il-ġunrata, anke jekk ftit siegħat wara hija salpat bi triqitha lejn Sqallija. Il-fotografu telaq mill-marina għall-ħabta tat-7.45 p.m..

Il-Qorti tordna li Melvin Theuma jiġi eżaminat minn psikjatra; Jinstabu iktar recordings

Iktar kmieni, il-Qorti laqgħet ir-rikors tal-avukati tad-difiża, biex ix-xhud prinċipali fil-każ, Melvin Theuma, jiġi eżaminat minn psikjatra sabiex tiġi eżaminata l-istat mentali tiegħu, fid-dawl ta’ dak li ġara x-xahar li għadda meta allegatament kkawża ġrieħi fuqu nnifsu f’għonqu u f’sidru.

Il-Qorti tennet li l-istat mentali ta’ Theuma għandha bżonn tiġi kkonfermata, hekk kif għandha tiddeċiedi jekk tkomplix isejjaħ lil Theuma biex jixhed u jagħti l-evidenza fil-konfront ta’ Fenech, u għalhekk ordnat lil Dr Joe Cassar biex jeżamina lil Theuma.

Xehed ukoll l-espert tekniku Alvin Cardona, fejn tenna li rnexxielu jsib numru ta’ recordings ġodda li ma kienux ippreżentati qabel. L-imsemmija recordings ġew mogħtija lill-Qorti, kif ukoll lill-partijiet kollha involuti.

Id-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia u Nadia Attard, flimkien mal-Ispettur Keith Arnaud, qegħdin imexxu l-Prosekuzzjoni. L-Avukati Gianluca Caruana Curran, Marion Camilleri u Charles Mercieca qegħdin jidhru għal Fenech, filwaqt li l-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachi qed jidhru parte civile għall-familja Caruana Galizia.

Sport