…kellha aktar amor’
– Emanuel Zammit, referee
Lil eks referee internazzjonali Malti Emanuel Zammit, tkellimt miegħu fil-wirja marbuta mat-Tazza tad-Dinja. Tkellimna dwar il-VAR. Jgħidli “jien dik tal-VAR mill-ewwel ma qbiltx magħha. Issa f’din it-Tazza tad-Dinja kien hemm azzjoni li kienet ċara daqs il-kristall. Hemm il-filmat qed jurik l-azzjoni u deċiżjoni ittieħdet ħażina. Għalija dik id-deċiżjoni ittieħdet hekk biex tiżvantaġġja lil tim partikolari. Żball uman naċċettah, imma mbagħad żball b’camera ma naċċettahx. U inzertaw l-iżbalji iffavorixxew timijiet kbar. Żbalji kontra timijiet kbar ma kien hemm.”
Emanuel Zammit meta mistoqsi dwar id-differenza fil-logħba tal-futbol bejn illum u żmienu, jgħidilna li “fi żmieni kien hemm aktar teknika bil-ballun u plejers ta’ ċertu kwalità. Illum daħlu l-flus. Illum jonfqulek miljuni kbar biex jixtru l-plejers. Anki fit-Tazza tad-Dinja l-flus saru kollox. Issa qegħdin jagħmlu żewġ waqfiet biex il-plejers jixorbu. Fiha daħħlu ir-reklami.”
Jenfasizza li “l-flus u reklamar ħassru il-logħba. Meta dħalt referee jien, konna nirreffjaw il-Youth FA u lanqas konna nitħallsu, għax kienet assoċjazzjoni li ma kellhiex dħul. Dak iż-żmien il-ħlas kien ta’ Lm1 għar-referee u 50c kull wieħed għal linesmen. Konna nagħmlu nofs ta’ nhar sħiħ il-Ħadd – tlett logħbiet. Tista’ taħseb konna nmorru bit-termos tal-kafe magħna. Dak iż-żmien kont tirreffja għax konna inħobbu l-logħba. Illum jitħallsu sewwa u hekk għandu jkun”.
Jieqaf ftit u jgħidli li “nippreferi l-logħba ta’ qabel. Kien hemm aktar amor.”

