Sunday, December 22, 2024

NIPPROTEĠU LILL-ĦADDIEMA AKTAR MINN QATT QABEL

Aqra wkoll

L-għoli fil-prezzijiet qed jolqot lil kulħadd, kemm lill-ħaddiema u anke lil minn iħaddimhom. Fil-fatt il-Gvern qiegħed jieħu ħsieb li jtaffi ħafna mill-piż tal-għoli tal-ħajja billi jżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli għal kulħadd. Minn dan qed igawdi kulħadd, kemm il-ħaddiema u kemm in-negozji tagħna. 

Dan ma jfissirx biss kontijiet orħos għan-negozji u l-familji imma jfisser wkoll li minn iħaddem evita sitwazzjoni fejn kien se jkollu jħallas kumpens għall-għoli tal-ħajja li kien ikun eqreb lejn il-€18. L-aħjar mod kif noħorġu minn kriżijiet bħal dawn huwa li nżommu l-paċi industrijali u li kulħadd jerfa’ parti mill-piż. Dan huwa eżatt dak li ġara fil-pandemija fejn bħala pajjiż irnexxilna negħlbu sfidi kbar billi kulħadd ġibed ħabel wieħed. Deċiżjonijiet li jkunu ta’ theddida għal dan kollhu jżidu l-inċertezza u joħolqu sens ta’ inġustizzja soċjali. Tajjeb li wieħed jifhem wkoll li l-COLA titħallas b’mod retroattiv għax huwa mekkaniżmu li jħares lejn x’kienet l-ogħli tal-ħajja matul is-sena ta’ qabel. Dan ifisser li l-ħaddiema u l-familji diġà qed jerfgħu l-piż tal-għoli tal-ħajja u ilhom jagħmlu dan għal xhur sħaħ. 

Il-COLA huwa il-mekkaniżmu li jikkumpensa għal dan kollhu. Tajjeb li l-imisieħba soċjali jħarsu lejn il-kuntest ekonomiku b’mod aktar wiesa. Huwa minnhu li l-prezzijiet żdiedu għal kulħadd imma huwa minnhu wkoll li l-andament ekonomiku f’pajjiżna għadu wieħed b’saħħtu ħafna, bi tkabbir li mistenni jaqbeż il-5% għal din is-sena u sitwazzjoni fejn il-qagħad huwa fl-aktar livell baxx fl-istorja. Għalhekk huwa importanti li ma jittieħdux deċiżjonijiet li jimminaw l-istabilità ekonomika u li jispiċċaw jnaqqru mill-kapaċità lin-negozji jżommu magħhom lill-aqwa riżorsa li għandhom, il-ħaddiema tagħhom. 

Il-kumpens għall-għoli tal-ħajja jfisser li n-negozji se jkunu qed jiffaċjaw żieda ta’ 2.5% fuq il-paga medja li għalkemm mhux ammont żgħir, huwa ammont ħafna iżgħar tal-ispiża li n-negozji jkollom jaffacjaw jekk jitilfu lill-impjegati tagħhom u biex isibu ħaddiema ġodda u jħarrġuhom mil-ġdid. 

Tajjeb li wieħed jinnota li l-għoli tal-ħajja qed jinħass b’mod aktar qawwi mill-pensjonanti u l-ħaddiema b’pagi baxxi. Dan għaliex dawn il-persuni jonfqu persentaġġ akbar mid-dħul tagħhom fi bżonnijiet bħalma huma l-ikel u l-kirjiet. Ikun għaqli għaldaqstant li l-Gvern jikkunsidra mekkaniżmu addizjonali li jmur lil hinn mil-COLA u jwieżen speċifikament lil dawn is-setturi aktar vulnerabli. Dan billi jikkunsidra kumpens addizjonali minħabba ċ-ċirkostanzi eċċezjonali li ninsabu fihom illum li jirrifeltti b’mod aktar adegwat il-piż li qed iġorru dawn il-familji.

Ekonomija

Sport