Tuesday, March 18, 2025

NIPPROTEĠU T-TFAL MILL-VJOLENZA DOMESTIKA

Aqra wkoll

Il-vjolenza domestika hija abbuż li ħafna drabi nassoċjawh man-nisa. Dan minħabba li l-maġġoranza tal-vittmi huma effettivament nisa. Iżda, dan l-abbuż ma jieqafx hawn. Anzi, aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qegħdin narawh jinfirex u jinkixef fuq vittmi oħra – irġiel, anzjani, ġenituri u saħansitra tfal.

Sfortunatament, kemm il-darba smajna u għadna nisimgħu b’każi ta’ tfal li għaddejjin mis-sofferenzi tal-vjolenza domestika. U dan mhux biss fiżiku imma wkoll verbali, emozzjonali u psikoloġiku.

F’pajjiżna, li f’dawn l-aħħar snin ħadem qatigħ biex jindirrizza l-pjaga tal-vjolenza domestika kif ukoll il-protezzjoni tat-tfal u l-minorenni, każi bħal dawn jerġgħu jqajmu l-urġenza ta’ aktar azzjoni, aktar viġilanza u aktar passi u miżuri.

Dan l-inkwiet fuq tfal u adolexxenti huwa abbuż intollerabbli u ma jistax qatt jitħalla għaddej. Ilkoll kemm aħna għandna d-dover li naraw kif inqajmu għarfien u niġġieldu kontra kull każ ta’ abbuż li nafu bih.

Hawn rridu naċċennaw il-fatt li r-responsabbiltà f’temp reali tal-benesseri tal-minuri taqa’ f’idejn il-ġenituri jew il-kustodji li jkunu qegħdin jieħdu ħsiebhom. Huwa mistenni li dawk li għandhom din ir-responsabbiltà, jaraw li jġorruha bis-sħiħ, bla waqfien u bl-akbar għaqal u simpatija.

F’dinamika ta’ familji estiżi huwa ferm importanti li l-ġenituri jaraw li wliedhom ikunu siguri u maħbuba. Dan minħabba li huwa dritt tat-tfal li jkunu mħarsa u mhux li jkunu kkalpestati, abbużati jew saħansitra jitħallew fi stat kritiku li jfendu għal rashom. Dan qatt u qatt m’għandu jkun.

Kif għidna l-vjolenza domestika għandha diversi forom ta’ abbuż u hawn irridu nieħdu ħsieb li l-minuri mhux biss ma jsofrux minn danni fiżiċi imma lanqas minn dik verbali jew emozzjonali.

Nemmnu li huwa importanti għalhekk li kemm fil-familja, kemm fl-iskejjel, fil-komunità u fl-aħħar mill-aħħar bħala soċjetà, nosservaw lill-minuri mill-viċin, nitkellmu magħhom u nisimgħu dk kollu li jkollhom xi jgħidu.

Jekk nagħmlu dan, abbuż minn vjolenza domestika joħroġ fil-miftuħ u b’dan il-mod inkunu nistgħu nieħdu azzjoni u niġġieldu din il-pjaga soċjali li, issa misset ukoll vittmi vulnerabbli u minuri.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport